Lokali Qorti

Yorgen Fenech jitlob li jkollu aċċess għall-mobajl ta’ Keith Schembri

Yorgen Fenech għamel talba biex ikollu aċċess għad-data tal-mobajl ta’ Keith Schembri. Dan wara li skont l-avukati tiegħu riċentament ġie f’idejn il-Pulizija Maltija estrazzjoni sħiħa tal-mobajl tal-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

L-Avukati Charles Mercieca, Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran għamlu din it-talba f’rikors li għamlu fil-Qorti Kostituzzjonali u dan b’rabta mal-kawża li huma qegħdin jagħmlu biex is-Supretendent Keith Arnaud biex huwa jitneħħa mill-investigazzjoni fejn Yorgen Fenech qed jiġi mixli li ppjana l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-każ biex jitneħħa l-invetigatur ewlieni fil-każ qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff u li għandu jiġi deċiż fid-19 ta’ Novembru li ġej. Fenech qed jgħid li l-mobajl ta’ Keith Schembri għandu nformazzjoni li tista’ tikkonferma dak li hu (Fenech) ilu jgħid.

Huwa qed jgħid ukoll li din il-prova hija meħtieġa għad-difiża u essenzjali biex jiġu pruvati l-allegazzjonijiet mitluba minnu kontra l-istess Arnaud. Aktar minn hekk, huwa qal, li l-mobajl huwa ammissibbli minħabba li tali prova ma setgħetx issir qabel ma ngħalqu l-provi tiegħu.

Aktar minn hekk jgħid ir-rikors, minkejja li hu xtaq li jġib din il-prova, kien maħsub li din il-prova intilfet darba għal dejjem. Anzi llum jirriżulta li sar jaf li dan mhux minnu iżda teżisti estrazzjoni tal-mobile phone għand il-Pulizija ta’ Malta.

Fenech qal li huwa ressaq din it-talba b’konnoxxenza ta’ dak li espremiet il-Qorti fid-digriet tagħja fid-9 ta’ Settembru li għadda, fejn qalet li huwa meħtieġ li jkollha l-kwadru sħiħ tas-sitwazzjoni qabel ma tagħti l-ġudizzju tagħha.

Id-difiża ta’ Fenech qalet ukoll li l-istess Qorti diġà awtoriżżat lill-Avukat tal-Istat biex jippreżenta l-provi wara li l-kawża kienet tħalliet għas-sentenza. Bl-istess kejl qalet id-difiża Fenech qed jitlob lill-Qorti tawtoriżżah jippreżenta l-prova li fil-fehma tiegħu hija l-qofol tat-talba tiegħu.

In-negozjant qal ukoll li din il-kawża mhijiex waħda ordinarja u ma tittrattax ċirkostanzi normali. Il-kawża titratta persuni li kienu parti mill-għola amministrazzjoni tal-pajjiż. Kien ippruvat li dawn il-persuni interferw fil-provi, ħadmu biex jiġu distrutti l-provi u għadhom jaħdmu biex jaħarbu l-ġustizzja.

Għaldaqstant, qal Fenech, li jkun kontra s-sewwa u t-tajjeb li fil-futur, meta toħroġ il-verità, jirriżulta li kien hemm prova li setgħet tinġieb quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, iżda minħabba ostakolu pro1edurali din il-prova tħalliet barra. Għaldaqstant ma jistax ikun enfasiżżat biżżejjed l-importanza ta’ din il-prova għalih li umilment jitlob li tiġi awtoriżżata li tkun qed tifforma parti mill-atti tal-każ.

Dan kollu fl-aħjar interess tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja u sabiex toħroġ il-verita.Għalhekk fid-dawl ta’ dan kollu u peress li s-seduta li jmiss kienet għas-sentenza, Fenech qed jitlob li għalissa din tiġi sospiża u jiġi msejjaħ fil-każ rappreżentant tal-Pulizija biex jixhed u jippreżenta kopja tal-estrazzjoni tal-mobile phone ta’ Keith Schembri.