Lokali Qorti

22 xahar ħabs għal Bulgaru fuq serq u li għamilha ta’ tallab

Bulgaru ta’ 33 sena ġie kundannat 22 xahar ħabs mill-Maġistrat Doreen Clarke wara li ammetta li seraq laptop tal-maka Apple minn uffiċċju tal-Floriana, li jiswa € 2,900 u dan fid-19 ta’ Jannar li għadda mill-uffiċini tar-ROCS group fi Triq Santa Anna l-Floriana.

Evgeniy Petrov ammetta wkoll li bejn 12 u t-13 ta’ Jannar li għadda bejn il-11.00pm. u s-7.00am. seraq baskett ta’ raġel Pollakk, li kien fih telefon ċellulari Sony Experia Z3,  €100 fi flus kontanti kif ukoll il-passaport tiegħu u xi ħwejjeġ.

Huwa ammetta wkoll li fit-23 ta’ Jannar li għadda u fil-jiem, ġimgħat u x-xhur ta’ qabel ukoll fil-Belt Valletta u f’postijiet oħra madwar Malta għax ħajja ta’ għażż u vagabondaġġ u kien idejjaq lill-pubbliku meta kien qed jagħmilha ta’ tallab.  

Il-Pulizija solvew il-każ grazzi għall-filmati tas- CCTV miż-żona tas-serq irrappurtat, kif ukoll informazzjoni addizzjonali mogħtija minn uffiċjal tal-pulizija tal-komunità, biex b’hekk l-investigaturi rnexxielhom jidentifikaw lil Petrov bħala suspettat. L-Ispettur Priscilla Caruana Lee mexxiet il-Prosekuzzjoni.