Għawdex Lokali

Anke il-GTA qed tipproponi konnessjoni bl-ajru bejn iż-żewġ gzejjer

Il-konnettività, benefiċċji fiskali, il-prodott, il-marketing u r-riżorsi umani – dawn huma il-prijoritajiet li fuqhom għandu jaħdem il-Gvern meta jfassal il-Budget għas-sena d-dieħla. Prijoritajiet li ġew elenkati f’dokument imħejji mill-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA).

Fid-dokument tissemma’ fost l-oħrajn il-proposta li ressaq il-PN ftit tal-ġimgħat ilu biex jibda jitħaddem mezz li jgħaqqad iż-żewġ gżejjer bl-ajru. Il-GTA temmen li dan il-mezz għandu jkun ajruplan żgħir li jġorr 20 persuna, u li jinżel f’Għawdex fuq airstrip ta’ 800 metru.

Fejn tidħol konnettività bil-baħar, il-GTA qed tipproponi roħs fil-prezz tal-Gozo Channel għax-xhur tax-Xitwa, u vapur separat li jkun jista’ jġorr biss il-merkanzija. Dan apparti li jerġa’ jissemma’ l-bżonn li l-gżira Għawdxija tibda tilqa’ l-cruise liners – xi ħaġa li dwarha ukoll tkellem il-PN fil-proposti tiegħu.

Il-GTA qed tenfasizza wkoll fuq il-bżonn li jinħolqu niċeċ turistiċi ġodda u jkun hemm marketing aktar b’saħħtu.

Id-dokument li ħareġ mill-operaturi tat-turiżmu f’Għawdex jipproponi tnaqqis fil-VAT għal ċertu servizzi u avvenimenti, tneħħija ta’ ċertu liċenzji tal-MTA, l-introduzzjoni ta’ skemi ta’ taħriġ għall-ħaddiema, l-iżvilupp ta’ Park tad-Divertiment, u t-tisħiħ tal-Master Plan għas-settur tad-diving.