Lokali

Appell biex iħejju pjan għas-sena skolastika

Il-Kulleġġ tat-Tobba tal-Familja ħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-saħħa u lill-awtoritajiet edukattivi sabiex uħud mill-attivitajiet li ma baqgħux isiru kaġun tal-pandemija, jerġgħu jiddaħħlu.

Il-Kulleġġ sostna dan fi stqarrija hekk kif ninsabu xahar bogħod mill-ftuħ ta’ sena skolastika u akkademika ġdida ….u fid-dawl tal-fatt li numru sostanzjali ta’ żagħżagħ tlaqqmu bil-vaċċin kontra l-Covid-19.

F’dawn l-aħħar sentejn, l-istudenti għaddew minn miżuri li tellfu mill-esperjenza soċjo-edukattiva tagħhom. Għaldaqstant, it-tobba qalu illi hu opportun li ċertu esperjenzi li kienu mċaħħda lill-istudenti, jistgħu jiġu offruti lil studenti mlaqqmin, b’rispett sħiħ lejn l-isfidi li għadha qed tippreżenta l-pandemija.

Dwar il-kummenti li saru mit-tabib Jean Karl Soler, il-Kulleġġ tat-Tobba tal-Familja tenna li t-tabib Soler qed jesprimi l-opinjoni personali tiegħu u l-Kulleġġ ikompli jħeġġeġ lill-pubbliku sabiex isegwi ir-rakkomandazzjonijiet tal-komunita’ medika kif immexxija mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika.