Lokali

Appell lill-awtoritajiet biex iħejju għas-sena skolastika ġdida

Il-Kulleġġ tat-Tobba tal-Familja ħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-saħħa u tal-edukazzjoni sabiex uħud mill-attivitajiet li ma baqgħux isiru kaġun tal-pandemija, jerġgħu jiddaħħlu.

Il-Kulleġġ sostna dan fi stqarrija hekk kif ninsabu xahar bogħod mill-ftuħ ta’ sena skolastika u akkademika ġdida u fid-dawl tal-fatt li numru sostanzjali ta’ żagħżagħ tlaqqmu bil-vaċċin kontra l-Covid-19. F’dawn l-aħħar sentejn, l-istudenti għaddew minn miżuri li tellfu mill-esperjenza soċjo-edukattiva tagħhom.

Għaldaqstant, hu opportun li ċertu esperjenzi li kienu mċaħħda lill-istudenti, jistgħu jiġu offruti lil studenti mlaqqmin, b’rispett sħiħ lejn l-isfidi li għadha qed tippreżenta l-pandemija.

Dwar il-kummenti li saru mit-Tabib Jean Karl Soler, il-Kulleġġ tat-Tobba tal-Familja tenna li t-Tabib Soler qed jesprimi l-opinjoni personali tiegħu u l-Kulleġġ ikompli jħeġġeġ lill-pubbliku sabiex isegwi ir-rakkomandazzjonijiet tal-komunita’ medika kif immexxija mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika.