Wasalna fl-aħħar t’Awwissu u t-tmexxija tal-iskejjel, l-edukaturi, l-ġenituri u l-istudenti għadhom jistaqsu x’se jiġri eżatt fis-sena skolastika li tiftaħ minn hawn u ftit ġimgħat oħra. Hu għalhekk li l-Oppożizzjoni qed titlob li l-Gvern jippublika immedjatament il-pjanijiet tiegħu biex ma terġax tirrepeti ruħha s-sitwazzjoni tas-sena li għaddiet.
Kien dan il-ġist ta’ konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Kelliem għall-Edukazzjoni u Sport Clyde Puli u l-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Julie Zahra u Clifford Zahra Fenech.
Is-sitwazzjoni preżenti qed toħloq sitwazzjoni ta’ stress żejjed għall-edukaturi li jridu jippjanaw is-sena tagħhom u għad ma għandomx il-linji gwida neċessarji, iżda wkoll stress għall-istudenti u għall-genituri li jridu jkomplu jippjanaw ħajjithom.
Din hija kwistjoni ta’ interess nazzjonali u peress li l-Gvern għadu m’għamel xejn u ma ppubblikax il-linji gwida meta l-iskejjel daqt jiftħu, allura huwa fl-interess tal-Partit Nazzjonalista li jqajjem dan l-argument u jnissel pressjoni, biex il-ġenituri, studenti u l-edukaturi jkollhom serħan il-moħħ.
Ma nistgħux nibqgħu nħallu għall-aħħar imbagħad nippretendu li kulħadd jaddatta fi żmien daqshekk qasir.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tqajmu diversi mistoqsijiet fosthom: Xi pjanijiet hemm fil-konfront ta’ dawk l-istudenti u l-istaff edukattiv li huma vvaċċinati u dawk li mhumiex? X’qiegħed isir sabiex f’dawk l-iskejjel li kienet qiegħda titħaddem sistema ta’ roster, l-istudenti kollha kemm jista’ jkun ikunu preżenti fiżikament għat-tagħlim? Nafu li s-sena l-oħra l-ġenituri jew kustodji setgħu jagħżlu jekk student jattendix l-iskola fiżikament jew le. Din l-għażla se terġa’ titħalla f’idejn il-ġenitur jew il-kustodju jew se jkun hemm miżuri li jvarjaw skont l-età u l-livell tal-istudent? Fi kliem sempliċi, l-attendenza b’mod ġenerali, ħlief fil-każ ta’ studenti partikolari li minħabba raġunijiet mediċi ma jistgħux jattendu fiżikament, se tkun obbligatorja jew le? X’inhu l-pjan sabiex niżguraw li din is-sena, għall-kuntrarju tas-sena li għaddiet, l-istudenti fil-livell primarju ma jitilfux minn suġġetti bħalma huma l-mużika, PSCD, PE, ICT u l-bqija? X’analiżi qiegħda ssir tar-riżultati akkademiċi matul din l-aħħar sena? Għandna evidenza xjentifika dwar l-effetti li qiegħda tħalli l-pandemija fuq ir-riżultati tal-istudenti? Nafu x’passi jridu jittieħdu sabiex kemm jista’ jkun niżguraw li l-istudenti kollha jkomplu jirnexxu? Il-kunċett tal-bubbles ‒ li nafu li wassal sabiex xi studenti jiġu mċaħħda milli jsegwu lezzjonijiet fil-grupp tal-livell tagħhom f’dawk li huma ħiliet ‒ se jibqa’ fis-seħħ ġaladarba hemm pajjiżi oħra wkoll li saħansitra rrevedew dan il-kunċett? Sejra ssir reviżjoni tal-kunċett ta’ Close Contact? Fi klassi min se jitqies bħala kuntatt qrib u min le? Għad hemm il-bżonn li kif kien qiegħed jiġri f’xi skejjel, jekk jinstab każ pożittiv fil-klassi, l-istudenti kollha ta’ ġo fiha jintalbu jiżolaw irwieħhom? Ħarġiet, attivitajiet jew żjajjar barra mill-iskola se jitħallew isiru ġaladarba jiġu segwiti l-miżuri kollha neċessarji? L-istudenti tas-6th Form, bħal Junior College u Higher, MCAST, ITS, istituzzjonijiet tal-Knisja, privati u dawk universitarji, se jerġgħu jmorru għal sistema online biss, jew se tkun sistema hybrid? U jekk se mmorru għal sistema hybrid, se jkun hemm limitu fuq l-ammont ta’ studenti li jistgħu jattendu fiżikament għal kull lezzjoni, minħabba l-limitazzjonijiet fl-ispazju? Il-varjant Delta kif jista’ jaffettwa lill-iskejjel tagħna? Liema huma dawk l-aspetti tal-ħidma tagħna li jistgħu jiġu affettwati minn dan il-varjant?
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qiegħed isejjaħ lill-Gvern sabiex mingħajr aktar dewmien jippubblika l-istrateġija meħtieġa li tant kulħadd qed jistenna minnufih.
//= $special ?>