Il-konferma tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat li l-familja tiegħu deffset imneħirha fil-ġlieda għal min kien se jieħodlu postu fit-tmexxija tal-Partit Laburista tidher li urtat mhux ftit lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, li qed jara kif jagħmel biex ikompli jiddisassoċja ruħu mill-kontinwità li Robert Abela wiret mingħand Muscat.
F’intervista mat-Times of Malta ftit tal-jiem ilu, Joseph Muscat ikkonferma dak li kienu ilhom jgħidu ħafna, inkluż mill-kamp ta’ Chris Fearne, li Michelle Muscat appoġġjat lil Abela u allura ħadmet kontra Fearne.
Dikjarazzjoni li jidher li reġgħet fetħet il-ferita lil Chris Fearne għall-mod kif il-magna tal-Partit ħadmet kontrih fil-ġlieda għal-Leadership sena u nofs ilu. U dikjarazzjoni li żgur ħadd ma stenna li kienet se tasal wara daqstant żmien.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Fearne gie mistoqsi propju dwar dan il-kliem li qal Muscat, bid-Deputat Prim Ministru ma ħassux komdu jikkummenta, tant li qal li se jkunu l-istoriċi li janalizzaw dak li ġara sena u nofs ilu.
Matul l-istess intervista, l-eks Prim Ministru kkonferma kemm Robert Abela hu l-kontinwità tiegħu meta ftaħar li dan il-Gvern ta’ Abela hu l-istess Gvern tal-2017 li kien imexxi hu. Mistoqsi dwar dan minn NET News, Fearne ħarab milli jgħid jekk hux kburi li jifforma parti mill-istess Gvern li ħoloq Muscat, li fl-2019 kien magħżul bħala l-aktar politiku korrott fid-dinja.
Minflok, hu qal biss li hu kburi li Laburist, u biex jiġbor kliemu qal li kburi li hu Malti, filwaqt li ħarab jiġri lejn il-karozza, mingħajr ma semma’ la lil Robert Abela u lanqas lil Joseph Muscat. Sitwazzjoni li qed tkompli turi kif il-qasma ta’ sena u nofs ilu fil-Partit Laburista għadha tinħass, tant li d-dikjarazzjonijiet ta’ Muscat mat-Times of Malta inftehmu minn ħafna bħala l-petrol li reġa’ qajjem in-nirien.
//= $special ?>