Għaddew erbgħa u għoxrin siegħa u l-Gvern għadu ma rreaġġixxiex għall-kummenti dwar il-qagħda mwiergħa fil-Qrati tagħna tal-Imħallef Francesco Depasquale, il-president tal-Għaqda ta’ Mħallfin u Maġistrati.
L-Imħallef Depasquale kkonferma dak kollu illi l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ilha tħambaq fuqu fir-rigward tan-nuqqas akut ta’ riżorsi umani fil-Qrati tagħna, nuqqas illi qiegħed jimmina l-effiċjenza ta’ dina l-istituzzjoni kritika għas-sistema demokratika tagħna, il-ħarsien tas-saltna tad-dritt u l-għoti ta’ rimedju adekwat liċ-ċittadin. Permezz ta’ stqarrija ffirmata mid-Deptuat Joe Ellis, Kelliem għall-Ġustizzja, għar-Riforma Kostituzzjonali, d-Djalogu Soċjali u x-Xandir Nazzjonali, il-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt illi l-Parlament qed jgħabbi lill-ġudikatura b’piżijiet ġodda bħalma ġara fil-liġi li għadda kemm għaddiet tal-kera, il-Gvern qed ikompli jqanċaċ u m’hux qed jiddedika riżorsi adekwati lill-Qrati tagħna.
M’hux biss in-numru ta’ ġudikanti m’hux biżżejjed iżda l-ġudikanti m’għandhomx l-assistenza meħtieġa minħabba nuqqas akut ta’ mpjegati. L-Imħallef Depasquale kkonferma ukoll illi l-qagħda fil-Qrati tagħna, minflok ma marret għall-aħjar kif wieħed kien jistenna, marret għall-agħar kemm ilha li twaqfet l-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti. It-twaqqif ta’ din l-Aġenzija mid-dehra serva biss għal żieda fil-proċessi burokratiċi mentri mhux qed isir użu adekwat tal-għodda diġitali biex tiżdied l-effiċjenzja tar-Reġistru.
In-nuqqas li jiġi konkluż ftehim kollettiv mal-impjegati tal-Aġenzija qiegħed ukoll ikun ta’ xkiel sabiex jiġu ngaġġati l-impjegati meħtieġa. Il-ministru tal-gustizzja Edward Zammit Lewis li għadu ma refa’ l-ebda responsabilità politika għall-fatt li baqa’ f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech meta sar magħruf li kien is-sid ta’ 17black għandu jirrealizza li l-poplu xeba bil-kultura tax-xejn m’hu xejn u għalhekk quddiem din id-dikjarazzjoni mill-president tal-Għaqda ta’ Mħallfin u Maġistrati dwar il-qagħda mwiergħa fil-Qrati tagħna jagħmel il-wisgħa għal min hu kapaċi jindirizza b’mod serju u enerġetiku dan kollu.
Il-Prim Ministru Robert Abela ukoll m’għandu l-ebda skuża li jibqa’ ma jieħux azzjoni quddiem sitwazzjoni daqshekk kritika fil-Qrati tagħna, u jrid iqum mir-raqda li qiegħed fiha u jagħraf l-urġenza ta’ dan. Il-Partit Nazzjonalista hu kommess illi Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech jassigura użu aħjar tal-fondi pubblici u jiddedika r-riżorsi kollha meħtieġa għat-tħaddim effiċjenti tal-Qrati tagħna biex inaqqas id-dewmien li l-poplu jsofri minħabba l-qagħda xejn feliċi li jinsabu fiha.