Lokali

Il-Ministru tgħid li għandha l-pjan lest… imma ħadd ma jaf xejn

Hekk kif madwar erba’ ġimgħat oħra suppost li se jiftħu l-bibien tagħhom l-Iskejjel tagħna, huma ħafna l-istudenti, il-ġenituri u l-edukaturi li għad m’għandhomx idea x’se jkun qed jiġri.

Madankollu, il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana qed isserraħ ras kulħadd li l-pjan hu lest.

Iżda minkejja li l-Ministru qed tgħid hekk, il-professjonisti f’dan il-qasam qed jgħidu li l-konsultazzjonijiet għadhom ma ġewx konklużi, anke għax il-Ministeru għadu qed jistenna risposta mingħand l-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Għaldaqstant, wieħed ma jistax jifhem jekk il-Ministru hux qed tiddeċiedi li tmexxi waħedha, irrispettivament minn x’għandhom x’jgħidu l-professjonisti fis-saħħa u l-edukazzjoni, inkella hux qed taħbi l-verita.

Għadd ta’ għalliema li tkellmu ma’ NET News ikkonfermaw li għad m’għandhomx konferma ta’ fejn se jkunu qed jgħallmu, filwaqt li l-għalliema ta’ suġġetti bħall-Arti, id-Drama, il-Mużika, u l-PCSD ma jafux hux se jkunu qed jgħallmu s-suġġetti tagħhom jew jekk hux se jkunu qed jitpoġġew fi klassijiet biex isolvu l-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema.

U dwar dan, lanqas il-Ministru ma kienet kapaċi twieġeb.

Filfatt mistoqsija jekk dawn l-istudenti hux se jkollhom dawn il-lezzjonijiet, u jekk l-għalliema ta’ dawn is-suġġetti hux se jkunu qed jgħallmuhom jew hux se jkunu qed jitpoġġew fi klassi.

Lanqas ma serrħet ras dawk il-ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà, li diġà kellhom sena iebsa ħafna u li matulha raw lil uliedhom imorru lura ferm għax ma tħallewx jattendu skola fiżikament minħabba problema ta’ nuqqas ta’ LSEs.

Il-Ministru lanqas ma wieġbet x’se jsir mill-istudenti tal-MCAST.

Bħal daż-żmien sena, il-Kap Eżekuttiv tal-MCAST James Calleja kien ikkonfermalna li l-istudenti tal-Kulleġġ se jkunu jistgħu jattendu fiżikament għal-lezzjonijiet jekk tkun din ix-xewqa tagħhom. Iżda l-verità hi li l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-istudenti bil-ħniena tħallew jirfsu l-għatba tal-Kulleġġ f’sena sħiħa. U mistoqsija dwar x’se jiġri din is-sena minn dawn l-istudenti, il-Ministru ma weġbitx.

Justyne Caruana qalet li din is-sena sar reklutaġġ ta’ għalliema ġodda, iżda ħadd ma jaf eżatt kemm hemm għalliema nieqsa. Fl-aħħar snin kien hemm madwar 400 għalliema neqsin mis-sistema edukattiva. Sa issa mhux magħruf jekk is-sitwazzjoni f’dik li huma għalliema neqsin baqgħetx l-istess… tjibitx… jew marritx għall-agħar. Li hu żgur hu li kull ma jmur… il-professjoni tal-għalliema qed titlef mill-popolarità… bl-awtoritajiet mhux qed jirnexxielhom iħarju biżżejed studenti ġodda għall-korsijiet ta’ għalliema.