Internazzjonali

L-Afganistan: Evakwazzjoni taħt kundizzjonijiet ta’ gwerra…L-Afgani li qed jaħarbu lit-Taliban mhumiex se joħorġu kollha sal-31 ta’ Awwissu

Uffiċjali tal-Alleanza tan-NATO sostnew li l-evakwazzjonijiet urġenti tan-nies mill-Afganistan qegħdin isiru ‘taħt kundizzjonijiet ta’ gwerra’, meta l-militanti Iżlamiċi tat-Taliban qed jikkonsolidaw posthom fil-kapitali Kabul u bliet Afgani oħra.

Sadanittant, il-pajjiżi Alleati tal-Istati Uniti qed iwissu li mhumiex se jilħqu jevakwaw lill-Afgani kollha li qed jaħarbu lit-Taliban sal-31 ta’ Awwissu – id-data stabbilita bħala d-deadline għall-evakwazzjonijiet.

Id-deadline tal-aħħar tax-xahar japplika wkoll għall-ħruġ tal-aħħar truppi barranin mill-Afganistan – fosthom is-suldati Amerikani li għadhom sallum jikkontrollaw l-ajruport ta’ Kabul fejn qed isiru l-evakwazzjonijiet.

Intant, kompliet il-pressjoni fuq l-Istati Uniti biex tipposponi d-deadline bil-għan li jkunu evakwati aktar Afgani u barranin mill-Afganistan.

Ir-Renju Unit, Spanja u alleati oħra ta’ Washington qed iħeġġu biex l-Istati Uniti  ‘tirrealizza s-sitwazzjoni ddisprata tan-nies’ li, fiċ-ċirkustanzi, se jkollhom jibqgħu fl-Afganistan wara l-aħħar tax-xahar.

Min-naħa tagħhom, it-Talibani — li reġgħu ħadu l-kontroll fl-Afganistan wara avvanzi rapidi mill-pajjiż – għadhom jinsistu li kwalunkwe estensjoni tad-deadline għandha ‘tixgħel bozza ħamra’; bil-militanti jwissu dwar ‘konsegwenzi’ f’każ li l-aħħar suldati barranin ma joħorġux mil-Afganistan sal-aħħar ta’ Awwissu.

Fl-istess ħin, hemm inkwiet kbir dwar id-destin tal-minoranzi etniċi u reliġjużi —  u fuq kollox dwar in-nisa li jgħixu fl-Afganistan — bin-Nazzjonijiet Uniti qed tħeġġeġ biex it-Taliban jirrispetta d-drittijiet tan-nisa u l-komunitajiet lokali kollha.

In-NU wissiet biex it-Talibani jitrattaw lin-nisa u l-bniet Afgani bid-dinjità li jixirqilhom, b’Michel Bachelet, bħala Kap tal-Kummissjoni tan-NU għall-ħarsien tad-Drittijiet Umani, tesiġi għar-rispett ‘tal-libertà u d-drittijiet tan-nisa Afgani għall-edukazzjoni u x-xogħol’. Dan fost biża’ akbar li d-drittijiet tan-nisa Afgani jisfumaw fix-xejn waqt it-tmexxija ta’ pajjiżhom mit-Talibani.

Fil-fatt, kelliema ewlenin tat-Taliban qalu li n-nisa Afgani, għalissa, ‘iridu jibqgħu d-dar għas-sigurtà tagħhom’. Fl-istess ħin spikkat it-twissija tat-Talibani ‘biex l-Afgani ma jmorrux fl-ajruport jew jippruvaw jitilqu minn pajjiżhom’.

Intant, ta’ inkwiet partikulari wkoll huma r-rapporti li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għandha provvisti mediċi ‘għal ġimgħa waħda biss’ fl-Afganistan, b’dan il-fattur kapaċi jżid mal-kriżi umana f’dak il-pajjiż.

Il-kriżi fl-Afganistan, fl-istess ħin, ipprovdiet liċ-Ċina b’opportunità biex tikkonvinċi lill-pajjiżi Asjatiċi li ‘l-Istati Uniti mhix alleata li jistgħu jafdaw’ – u ladarba  l-President Amerikan Joe Biden itrira lill-qawwiet tiegħu mit-territorji Afgani. Fil-fatt, il-Gvern komunista Ċiniż qed jikkritika kontinwament l-irtirar tal-Amerikani mill-Afganistan waqt li qed jakkuża lil Washington dwar ‘politika barranija partiġġjana u egoista’.

Bħalissa wkoll, il-pajjiżi tal-G7 (l-aktar pajjiżi industrijalizzati tad-dinja) qed jissieħbu f’summit virtwali fost l-appelli biex l-Istati Uniti ittawwal il-proċess tal-evakwazzjonijiet mill-Afganistan sax-xahar id-dieħel.  L-alleati qed jinsistu dwar is-sitwazzjoni ddisprata fl-ajruport ta’ Kabul meta Biden qed jaħseb kif jista’ jsalva aktar nies, flimkien mar-reputazzjoni tiegħu bħala President f’għajnejn id-dinja.

Is-summit qed ikun organizzat mir-Renju Unit u l-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson ħeġġeġ biex il-mexxejja l-oħra jżidu l-appoġġ għar-refuġjati Afgani.

Madankollu, il-kelliema għall-Pentagon, f’Washington, qalu li l-militar Amerikan xorta qed jippjana li jirtira bis-sħiħ mill-Afganistan sal-aħħar ta’ dan ix-xahar u skont id-direttiva oriġinali tal-President Biden.