Edukazzjoni Lokali

“L-iskejjel għandhom jiftħu bi pjan ċar” – Partit Nazzjonalista

“Aħna bħall-ġenituri kollha nixtiequ biss l-aħjar għal uliedna. U lesti ngħinu biex dan iseħħ”.

Kien dan l-impenn li għamel il-Partit Nazzjonalista waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar l-edukazzjoni fejn fiha saħaq dwar il-ħtieġa ta’ pjan illum qabel għada fl-edukazzjoni. Dan fl-isfond tan-nuqqas assolut ta’ linji gwida ċari għal dan il-qasam minn naħa tal-Gvern, meta ninsabu biss erba’ ġimgħat bogħod mill-ftuħ tal-iskejjel f’pajjiżna.

Waqt din il-konferenza id-Deputat Nazzjonalista u kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-edukazzjoni, Clyde Puli appella lill-Gvern biex joħroġ bi pjan ċar li jserraħ l-imħuħ ta’ kulħadd. Huwa qal li l-ġenituri jinsab mħassba u l-edukaturi m’għandhom serħan il-moħħ filwaqt li saħaq li wara sentjen esperjenza, suppost tgħallimna ma nħallux għall-aħħar fl-ippjanar.

Dwar il-bżonn li l-istudenti, il-ġenituri u l-edukaturi jkunu jafu x’se jiġri fi ftit ġimgħat oħra tkellmet ukoll il-kandidata tal-PN Julie Zahra li insistiet li pjan ċar iwitti t-triq għal sena akkademika tajba.

Zahra semmiet diversi sfidi li qed jiffaċċjaw l-istudenti u l-ġenituri kawża tal-bidliet li ġabet magħha l-pandemija… u saħqet li ma nistgħux inħallu n-nuqqas ta’ ppjanar ikompi jżid mal-pressjonijiet li diġa jeżistu fuq studenti, ġenituri u edukaturi.. u li ma nistgħux inkomplu nitilfu aktar studenti mis-sistema edukattiva.

F’intervent iehor, il-kandidat tal-PN Clifford Zahra Fenech qal li bħalissa hemm ħafma mistoqsijiet fil-qasam edukattiv.

Zehra Fenech elenka numru ta’ domandi li sa issa għadhom mhux imwieġba, per eżempju dwar min hu mlaqqam u min mhux, dwar faċilitajiet edukattivi bi spazju limitat… dwar kif se tkun l-għażla ta’ min jattendi skejjel fiżikament u min le, dwar it-tħaddim tal-bubbles,  u għadd ta’ mistqosijiet oħra li dwarhom għad mhemmx linji gwida.

Il-PN tenna li l-edukazzjoni hija l-bażi li fuqha tinbena s-soċjetà, u nsista dwar il-ħtieġa ta’ konsultazzjoni u djalogu mal-istakeholders fil-qasam u mhux deċiżjoniijet meħuda direttament mill-Gvern mingħajr ma jkun ħass il-polz ta’ dawk li jaħdmu direttament fil-qasam, għaliex fl-aħħar mill-aħħar dawk li jbatu minn nuqqas ta’ konsultazzjoni u ppjanar ikunu l-istudenti tagħna.