Internazzjonali

Messiku: Imutu qalb in-nirien fuq platform taż-żejt

Mietu talanqas ħames persuni – b’diversi oħrajn jindarbu – fost nirien li ħakmu platform taż-żejt ‘il hinn mix-xatt u meta s-sidien tal-faċilità qed jiċħdu li t-traġedja setgħet kienet dovuta għal nuqqas ta’ investiment u riżorsi.

Il-platform taż-żejt hi proprjetà tal-kumpanija Pemez tal-Istat tal-Messiku u fl-aħħar sigħat, is-servizzi għall-emerġenzi kienu qed ifittxu għal xi persuni li kienu rappurtati nieqsa.

Intant, in-nirien wasslu għall-waqfien tax-xogħol f’125 zona għall-produzzjoni taż-żejt li l-faċilità inkwistjoni qed tipprovdilhom il-gass u l-elettriku.

L-inċident seħħ proprju sitt ġimgħat wara leak tal-gass minn pipeline tal-Pemex taħt il-baħar – u bil-konsegwenza li żbruffaw in-nirien fuq il-wiċċ tal-oċean fil-Golf tal-Messiku.

Fil-fatt, dan l-inċident u n-nirien fuq il-platform qed ikunu ‘marbutin’ mal-aktar proġett importanti tal-Pemex għall-iżvilupp tas-settur taż-żejt. Intant, l-eżekuttiv ewlieni tal-kumpanija, Octavio Romero, qal li l-industrija taż-żejt hi waħda riskjuża u li ‘l-inċidenti li qed isiru huma anqas milli tas-snin preċedenti’. Hu sostna li n-nirien fuq il-platform inqalgħu waqt li l-ħaddiema kienu għaddejjin b’xogħol ta’ manuntenzjoni u kien qed jistenna li ‘il-produzzjoni taż-żejt tkompli fi kwistjoni ta’ sigħat’.