Lokali Qorti

L-allegat aggressur jingħata l-libertà proviżorja

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Raġel ta’ 30 sena minn Ħal-Qormi ġie mixli quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li nhar il-Ħadd li għadda, mingħajr il-ħsieb li joqtol lil James Manfrè ta’ 27 sena, residenti l-Imsida, kkaġunlu feriti gravi b’daqqiet ta’ sikkina. Il-każ seħħ bejn is-7.00pm u t-8.00pm fil-Wied ta’ Birkirkara.

Cranston Portelli, li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u li qal li jaħdem il-biċċerija ġie mixli wkoll li huwa kkaġuna ferita li ġġib mankament jew sfreġju f’waħda mill-idejn tal-allegat vittma. Huwa ġie mixli wkoll li kellu fil-pusses tiegħu arma rregolari, li hija strument li jaqta’ u bil-ponta u li żamm l-istess arma mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija.

Portelli ġie mixli mill-Ispettur Andrew Agius li inġurja u hedded lill-vittma u li ħareġ il-barra mill-limiti tal-provokazzjoni, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika b’għajjat storbju u ġlied. L-Avukat Mario Mifsud fil-bidu tad-difiża tiegħu qal li ma kienx se jitlob għal libertà proviżorja f’dan l-istadju, iżda talab lill-Qorti biex hija tirrakomanda lid-Direttur tal-ħabs biex nhar il-Ħadd li ġej l-akkużat ikun jista’ jattendi għall-preċett ta’ ibnu.

Il-Qorti qalet li hija ma tagħmilx dawn it-tipi ta’ rakkomandazzjonijiet u jkun aħjar li jagħmel talba għall-pleġġ, imbagad il-Qorti tara wara meta tisma s-sottomissjonijiet mill-partijiet. L-Avukat Mifsud qal li huwa jemmen li jagħmel min jagħmel il-ħażin għandu jħallas, madankollu jekk wieħed isegwi l-atteġjament fuq Facebook tal-allegat vittma fejn isejjaħ lilu nniffsu l-iron man, ma jidhirx li l-affarijiet huma kif wieħed jista’ jaħseb. Hawn l-avukat wera l-mobile lill-Qorti u anke lill-Ispettur Agius biex jissostanzja dak li kien qed jgħid.

Filfatt, ftit wara intemmet din il-preżentata, il-vittma tefa’ post fuq Facebook fejn qed jallega li kienu tnejn il-persuni li ħebbew għalih.

Aktar tard l-Avukat Mifsud iddeċieda li jagħmel it-talba għall-pleġġ li sabet oġġezzjoni minn naħa tal-prosekuzzjoni u dan minħabba n-natura tal-każ u li hemm xi persuni pajżana li għad iridu jixhdu. L-Avukat Mifsud qal li hemm diversi persuni li jafu lill-allegat vittma u li hija mportanti li dan jixhdu biex joħroġ aktar fuq il-każ kemm favur kif ukoll kontra l-akkużat.

Id-difiża qalet ukoll li hemm diversi filmati fil-madwar li diġà huma preservati u tenna wkoll li l-akkużat ma jafx lill-allegat vittma b’nemes.  Kompla jgħid li għaldaqastant il-Pulizija għandha r-riżorsi kollha u li se jkun hemm il-garanziji jekk jingħata l-pleġġ.

Il-Qorti laqgħet it-talba għal liberta proviżorja fuq depożitu ta’ €7,000 u garanzija personali ta’ €3,000, li jiffirma fl-Għassa ta’ Ħal Qormi kuljum bejn is-6.00am u s-6.00pm. u li jibqa’ d-dar bejn is-6.00am. sat-8.00pm. Huwa ġie ordnat ukoll biex ma jersaqx lejn il-lokalitajiet ta’ Birkirkara, l-Gżira u l-Imsida.