Lokali Qorti

Ryanair ordnata tħallas kumpens lill-koppja wara li titjira telqet erba’ sigħat tard

Il-linja tal-ajru Ryanair ġiet ordnata tħallas €800 lill-koppja Polakka, dan wara li kważi erba’ snin ilu titjira mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta lejn Poznan fil-Polonja telqet erba’ sigħat tard. Id-deċiżjoni ngħatat mit-tribunal għal talbiet żgħar permezz tal-ġudikant Claudio Zammit, wara talba li saret minn Patrycja Czajka u Jakub Oliński fil-konfront tal-kumpanija.

Skont ir-regolament  tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew, li skatta fil-11 ta’ Frar 2004, ġie stabbilit kumpens ta’ €400 ghal kull persuna li ssofri minn dan il-konvenjent. Ryanair DAC kienet intalbet mill-koppja ħlas fid-19 t’Ottubru 2017, izda l-operatur tat-titjira ma wegibx l-ilment.

Ġie stabbilit li t-titjira FR 5227 minn Malta ghal Poznań tal-1 ta’ Settembru 2017 telqet erba’ sigħat tard. Il-koppja mill-ewwel ippreżentat kopja ta’ prokura li taw lill-Avukat Jerzy Feliks, kopja tal-boarding passes relattivi, kif ukoll kopja ta’ ittra legali li kienu baghtu lill-entità fid-19 t’Ottubru 2017.

L-artikolu relevanti ta’ dawn ir-regolamenti jittratta d-dewmien fit-tluq tal-ajruplani. Dan l-artikolu jipprovdi: li meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li titjira tiġi mdewma lil hin mil-ħin tat-tluq tagħha skedat: għal sagħtejn jew aktar, fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1,500 kilometru jew inqas; jew ghal tliet sigħat jew aktar, għandha tiġi offruta assistenza.

Ir-regolament jipprovdi li f’każ ta’ posponiment ta’ titjira bħal f’dan il-każ, għandu jithallas l-ammont ta’ €400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1 500 kilometru.  It-tribunal qal li f’dan il-każ, l-entità ma tatx hjiel ta’ jekk kienx hemm ċirkostanza straordinarja sabiex kien hemm id-dewmien, u lanqas ma ġie ppruvat li kien hemm xi raguni għaliex it-trasportatur tal-ajru kellu m’mod ragonevoli jistenna u jdewwem it-tluq tal-ajruplan.

Minhabba din in-nuqqas ta’ prova, it-tribunal tenna li żgur m’għandux għażla li jeżonera lit-trasportatur mir-responsabbiltà. Għalhekk ġie kkunsidrat illi d-dewmien in kwestjoni kien ta’ iktar minn tliet  sigħat, (preċiżament erba’ sighat).

It-Tribunal qal ukoll li qiegħed bl-istess mod jikkonkludi li dan id-dewmien ma’ kanċellament u jqis illi l-koppja għandhom il-jedd li jitolbu l-kumpens fil-fatt mitlub. Għaldaqstant it-tribunal laqa’ t-talbiet tal-koppja, u ordna lil Ryanair tħallas is-somma ta’ €400 lil Patrycja Czajka, u l-istess ammont lil Jakub Oliński, bl-imgħax mid-data ta’ meta ġiet ippreżentata l-kawża sal-ħlas effettiv. L-ispejjez tal-kawża għandhom jitħallsu wkoll kollha mill-kumpanja tal-ajru, sostna t-tribunal.