L-aħħar studju, fir-Renju Unit, li żvela li l-protezzjoni kontra l-infezzjonijiet bil-Covid hi disposta li tonqos, maż-żmien, fost in-nies li ħadu t-tilqima sħiħa ma jfissirx li l-programm tat-tilqim ikollu jibda mill-ġdid fil-ġimgħat li ġejjin.
Dan qalu l-Professur Adam Finn, membru tal-Kumitat Konġunt dwar it-Tilqim u l-Immunizzazzjoni li spjega li l-poplu mhux qed jiffaċċja sitwazzjoni fejn irid jgħaddi mill-istess proċedura sħiħa tat-tilqim bħal ma seħħ matul ix-xitwa.
L-istudju sab li l-protezzjoni kontra l-coronavirus wara żewġ tilqimiet bil-vaċċin tal-Pfizer naqset minn 88 fil-mija waqt l-ewwel xahar għal 74 fil-mija ‘matul il-ħames jew sitt xahar’ wara t-tieni tilqima.
Sadanittant, il-Professur Finn ikkonferma ‘l-aħbar tajba’ mill-istudji l-oħrajn li ssuġġerew li l-vaċċini ta’ kontra l-Covid għadhom joffru protezzjoni tajba kontra l-mard serju u sitwazzjonijiet fejn il-pazjenti jkollhom jiddaħħlu l-isptar għall-kura.
Fl-Iskozja, sadanittant, il-Gvern immexxi minn Nicola Sturgeon irid ‘akkost ta’ kollox’ jevita l-għeluq tal-iskejjel b’reazzjoni għall-aħħar spinta fil-każi tal-coronavirus fil-pajjiż.
Sadanittant, Sturgeon, bħala l-Ewwel Ministru tal-Iskozja, wissiet li ma tistax teskludi l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ restrizzjonijiet għall-Covid, wara li l-ammont ta’ infezzjonijiet għal kull ġurnata laħaq livelli storiċi.
Fl-Iskozja, l-istudenti reġgġu bdew jattendu l-iskejjel wara waqfa għas-sajf, bil-lezzjonijiet għall-istudenti l-oħra madwar ir-Renju Unit se jibdew ix-xahar id-dieħel.
Fi żviluppi oħra, New Zealand — li għal ħafna minn din is-sena ma kellu l-ebda każi ta’ trasmissjoni tal-Covid qalb il-komunitajiet — irreġistra 62 infezzjonijiet oħra f’perjodu ta’ żmien stabbilit u li hu rekord ieħor għall-pajjiż fl-2021.
Intant, il-pajjiż kollu se jibqa’ taħt l-ogħla livell ta’ lockdown – f’dan il-każ Livell 4 – sa ftit qabel nofs-il lejl tal-Ġimgħa; bis-sitwazzjoni għandha tkun suġġetta għal analiżi oħra mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Fl-istess ħin, il-belt ewlenija ta’ Auckland, fi New Zealand, se tinżamm fuq livell ta’ allert massimu sa nhar it-Tlieta, waqt li s-sitwazzjoni lokali għandha tkun irreveduta matul is-sigħat preċedenti.
//= $special ?>