Wara li l-Ministru Miriam Dalli ddikjarat li l-indiċi tal-prezzijiet jinsab taħt kontroll issa kien imiss lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li jipprova jiskuża l-fatt li l-għoli tal-ħajja spiċċat morsa għall-familji Maltin u Għawdxin. Dan meta ġab ħafna skużi, u spiċċa semma’ il-pandemija u saħansitra anke n-negozju tal-azzar.
Affaċjat bid-domandi ta’ Net News jekk il-Gvern hux se jindirizza l-problema serja tal-għoli tal-ħajja Clyde Caruana għażel li jdur lejna b’mistoqsija, minflok joffri soluzzjoni.
Ġ: Ma’ taħsibx li l-Gvern jista’ jsolvi din il-problema?
Clyde Caruana: Tini mod, tini soluzzjoni ta’ kif il-Gvern jista’ jsolvi din il-problema?
Ġ: Insaqsi qiegħed, ma nistax inwieġeb jien, jien mhux parti mill-Gvern
Clyde Caruana: Saqsiha lil ħaddieħor mela….
Clyde Caruana farfar ir-responsabbiltà fuq il-unions u l-korpi kostitwiti, u qal li jekk għandhom xi soluzzjoni, hu lest li jiddiskuti magħhom…
“Forsi l-istess korpi kostitwiti li qajmu dan l-argument, u lest nikkunsidrah dak li jgħidu, kif wieħed jista’ jindirizza dan”
Għal aktar domandi ta’ Net News il-Ministru tal-Finanzi qalilna li l-isfida tal-għoli tal-ħajja hi waħda teknika. U stqarr li b’xi mod kulħadd iħossu “maqrus” mill-għoli tal-ħajja.
“Kulħadd iħossu l-qris tagħhom, u ċertu affarjiet biex jissolvew għandhom bżonn iż-żmien”
Iż-żieda kontinwa tal-għoli tal-ħajja qed taffetwa lil kulħadd – mhux biss persuni li jaqilgħu l-minimum wage u l-anzjani li jgħixu bil-pensjoni, iżda anke ħaddiema li l-pagi tagħhom huma inqas mill-medja Ewropa bil-Ministru Carauna m’offra ebda soluzzjoni għall-familji u l-ħaddiema Statistika maħruġa fl-aħħar ġimgħat tikkonferma li l-prezzijiet tal-ikel f’Malta tul l-2020 kienu 12.2 fil-mija ogħla mill-medja tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>