Lokali

Il-piż tal-għoli tal-ħajja qed jinħass sew mill-familji

Prodotti tal-ikel, spejjes marbuta mad-dar u l-housing, ħwejjeġ, prodotti ta’ kura personali kif ukoll spejjes marbutin mas-saħħa. Prezzijiet marbuta ma’ oggetti li jinxtraw ghall-edukazzjoni tat-tfal.

Dawn huma biss uħud mill-oġġetti li raw żieda fil-prezzijiet tagħhom fl-aħħar xhur, bil-piz tal-għoli tal-ħajja jkompli jaffettwa lill-ħaddiema u lill-familji Maltin u Għawdxin.

Fil-fatt, fl-aħħar jiem, aktar persuni komplew jitkellmu magħna dwar iż-żidiet fil-prezzijiet…u kif huma mhux ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar bil-paga jew bil-pensjoni tagħhom.

Kellmitna wkoll mara barranija li tefgħet dawl fuq il-pizijiet li qed jikbru anke għalihom.

L-aħħar ċifri ppublikati mill-NSO jikkonfermaw dak li ilu jirrapporta Net News għal dawn l-aħħar jiem; xejra konsistenti illi turi żieda fil-prezzijiet ta’ diversi prodotti.

Fil-fatt, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juri li r-rata annwali tal-għoli tal-ħajja żdiedet minn 1.47 fil-mija għal 1.81 fil-mija.

Anke xahar għal xahar kien hemm żidiet. Iċ-ċifri jikkonfermaw li l-prezzijiet ilhom jiżdiedu b’mod konsistenti a minn Frar li għadda.

Eżerċizzju separat li sar mill-gazzetta tal-GWU ‘It-Torċa’ juri li fost il-prodotti li żdiedu minn xirja bażika li tagħmel familja kull ġimgħa hemm il-kafè, il-corned beef, il-bacon, ċertu juices tal-bott u sauces varji. Iż-żieda ta’ xirja medja kienet taqbeż iż-€2 – ferm aktar miż-żieda li kien ta l-Gvern għall-għoli tal-ħajja. U dan fuq prodotti essenzjali biss.