Lokali

“Kull Ministru għandu jwieġeb għalih innifsu” – Ian Borg

“Kull Ministru għandu jwieġeb għalih innifsu”. Hekk stqarr ma’ Net News il-Ministru Ian Borg meta saqsejnih dwar jekk il-Kabinett ta’ żmien l-eks Prim Ministru Joseph Muscat għandux jerfa’ r-responsabbiltà u jirriżenja.

Il-ġimgħa li għaddiet l-istudenti Universitarji talbu lill-Ministri u d-Deputati fil-Gvern ta’ Robert Abela li kienu jiffurmaw parti mill-Kabinett ta’ Joseph Muscat sabiex jerfgħu r-responsabbiltà politika u jirriżenjaw kollha. Dan fid-dawl tal-fatt li l-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tefgħet reponsabbiltà kollettiva fuq l-Istat għal dan il-qtil.

Fi stqarrija, il-Kunsill Studenti Universitarji fakkar kif dawn il-politiċi fil-Gvern ta’ Muscat kienu konxji sew mill-korruzzjoni u l-impunità li kienet qed tiżviluppa fl-ogħla livell tal-Gvern. Madankollu, dawn baqgħu siekta u injoraw id-dmir tagħhom li jaġixxu għall-benefiċċju tal-pajjiż. 

Il-KSU qal li l-fatt li l-Istat instab responsabbli mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia hu turija ċara tad-dgħufija tas-Saltna tad-Dritt f’pajjiżna, kif ukoll li l-konnessjonijiet u r-relazzjonijiet intimi mal-akkużati juru linji mċajpra bejn dawk li jmexxu l-Istat u dawk li jirrikorru għall-kriminalità u l-korruzzjoni.