Internazzjonali

L-Afganistan: Spinta fl-evakwazzjonijiet meta fadal ftit jiem biss għad-deadline — ‘b’kull minuta tgħodd’

Il-Gvern tar-Renju Unit qed jistinka biex, ‘mill-aktar fis possibbli’, joħroġ dejjem aktar nies mill-Afganistan u qabel l-Istati Uniti tikkonkludi l-missjoni tas-salvataġġ għall-Afgani – flimkien mal-irtirar tat-truppi tagħha mill-artijiet Afgani — fil-31 ta’ Awwissu.

Intant, ir-Renju Unit u diversi pajjiżi Ewropej huma diżappuntati bil-konferma tal-President Amerikan Joe Biden li l-Istati Uniti mgħandhiex testendi l-irtirar u l-hekk-imsejjaħ ‘pullout’ ta’ Afgani minn pajjiżhom wara l-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Dan waqt li l-militanti Iżlamiċi tat-Taliban ma jridu bl-ebda mod li l-evakwazzjoni tkompli ‘il hinn minn Awwissu. Il-militanti Iżlamiċi, filwaqt li qed iżidu l-kontroll fil-pajjiż, qegħdin jieħdu diġà l-miżuri biex ‘l-Afgani jibqgħu f’pajjiżhom minn issa ‘il quddiem’.

Intant, il-Ministru Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Dominic Raab, qal li l-qawwiet ta’ pajjiżu ħadu ħsieb l-evakwazzjoni ta ‘il fuq minn 9,000 mill-Afganistan mill-15 ta’ Awwissu ‘il hawn. L-istrateġisti militari, issa, qegħdin jikkalkulaw x’jista’ isir fil-ftit ġranet li fadal ladarba l-Istati Uniti u t-Talibani baqgħu jinsistu biex ma ssir l-ebda bidla għad-deadline.

Raab qal ukoll li l-Gvern tiegħu ‘se jutilizza kull minuta’ biex joħroġ kemm jista’ nies mill-Afganistan fost rapporti li l-aħħar titjira għall-evakwazzjoni kapaċi ssir bejn il-Ġimgħa u s-Sibt,. U meta kien mistoqsi x’għandu jsir bin-nies li jibqgħu fl-Afganistan, Dominic Raab tenna li r-Renju Unit se jkompli jinsisti mat-Talibani biex iżommu l-kelma li taw rigward il-ħarsien ta’ ‘rotta ta’ sigurtà’ għal kulmin jixtieq li jitlaq mill-artijiet Afgani.

Il-militanti tat-Taliban ħadu lura l-kontroll tal-Afganistan aktar kmieni fix-xahar wara nuqqas ta’ 20 sena u fl-aħħar sigħat sar magħruf li Franza, minn għada, għandha ttemm l-evakwazzjonijiet mill-ajruport ta’ Kabul. Fil-fatt, il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Ewropej, Clément Beaune, sostna li hu ‘ferm probabbli’ li l-Franċiżi jikkonkludu l-operat ta’ fejda fil-kapitali Afgana ‘fi kwistjoni ta’ sigħat’.

Intant, żdied l-inkwiet li numru sinifikanti ta’ Afgani li jridu jaħarbu mit-Taliban kapaċi jispiċċaw f’sitwazzjoni tassew iddisprata ladarba jieqfu l-evakwazzjonijiet mill-Afganistan.

Dan minkejja li l-evakwazzjonijiet minn Kabul dehru li ħadu spinta kbira l-bieraħ, bit-total ta’ persuni li rnexxielhom joħorġu mill-Afgansitan mindu l-pajjiż waqa’ f’idejn it-Taliban issa jaqbżu s-70,700.

U waqt li l-President Biden qal li qed jagħti l-ogħla priorità ‘lill-konklużjoni tal-irtirar mill-Afganistan, hu minnu li numru ta’ suldati Amerikani diġà bdew jitilqu mit-territorji Afgani, waqt li l-proċess tal-irtirar dieħel fl-aħħar fażi.