Lokali

“L-iskejjel ma għandhomx jipproduċu ħaddiema li jaqdu biss il-ħtiġijiet tan-negozji” – MUT

"L-edukazzjoni hija esperjenza olistika"

Permezz ta’ stqarrija l-MUT ireaġixxiet għal proposta tal-Kamra tal-Kummerċ li l-età obbligatorja għall-istudenti minflok tibqa’ dik ta’ 16 tiżdied għal 18-il sena, fejn tenniet li deċizzjoni bħal din ma tridx tħares biss l-interessi tan-negozji, iżda tħares l-esperjenza olistika lejn l-individwi u l-potenzjal edukattiv li l-istudenti jistgħu jilħqu.

L-MUT qalet li l-influwenza tan-negozji fuq l-edukazzjoni qed twassal għal programmi ta’ taħriġ ta’ livell baxx li jaqblu mal-ħtiġijiet attwali tas-settur tan-negozju u din mhix l-esperjenza edukattiva li l-MUT temmen li għandha tiġi pprovduta liż-żgħażagħ u t-tfal Maltin.

L-istqarrija kompliet li kienet tistenna li l-Kamra tal-Kummerċ tindirizza n-nuqqasijiet tal-membri tan-negozju tagħha, u mhux tipprova ssolvi dawn in-nuqqasijiet billi tbiddel is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna.