Sport Waterpolo

Neptunes u Sliema fis-semifinali tan-knock-out kif mistenni … Exiles mal-aħħar erbgħa fl-Ewwel Diviżjoni

Michele Stellini u Niki Lanzon jtemmu l-kapitlu tagħhom bħala plejers

Rapport: Stewart Said

VALLETTA IZIBET………….. 6

NEPTUNES…………………… 14

(1-5), (2-4), (2-3), (1-2)

Ebda diffikultà għal Neptunes biex għaddew għas-semifinali u baqgħu b’ċans li jagħmlu doppjetta. Rebħa li biha jilagħbu kontra Marsaskala Fish and Fish għal post fil-finali.

Din il-logħba fissret ukoll it-tmiem tal-karriera bħala plejers għal Michele Stellini u Niki Lanzon, b’tal-aħħar ma jkunx inkluż fit-tim minħabba li jinsab imweġġa’. Ironikament it-tnejn lagħbu l-aħjar żmien tal-karriera ma’ Neptunes. It-tnejn ġew preżentati bi plakka kommemorattiva mill-Viċi President tal-klabb Jean Carl Farrugia.

Neptunes fetħu bl-aħjar mod u wara li Edward Aquilina fetaħ l-iskor għal Valletta, wieġbu b’ħames gowls konsekuttivi skorjati minn Jordan Camilleri, Jeremy Abela, Stevie Camilleri, Sam Gialanze u Alec Fenech rispettivament. Għat-tieni sessjoni konsekuttiva, Valletta skorjaw l-ewwel din id-darba permezz ta’ Miguel Zammit. Neptunes wieġbu u prattikament għamluha diffiċli għall-avversarji biex b’xi mod jidħlu fil-logħba.

Iċ-champions il-ġodda bdew it-tielet sessjoni b’vantaġġ komdu ta’ 9-3. Jordan Camilleri u Jake Muscat kabbru l-vantaġġ għal tmien gowls. Valletta rnexxielhom inaqqsu d-distakk b’gowls ta’ Michele Mifsud u Peter Borg, b’Mark Castillo jiskorja bejniethom għal Neptunes. Fl-aħħar sessjoni, żiedu l-vantaġġ l-aħwa Stevie u Jordan Camilleri, b’Andrea Agius jiskorja bejniethom għal Valletta.

Valletta: T. Micallef, P. Borg (1), E. Aquilina (1), M. Stellini, A. Agius (1), R. Mock, D. Paolella, M. Mifsud (1), N. Farrugia, M. Zammit (1), N. Zammit (1), K. Tanti, R. Sciortino

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (2), L. Calleja, G. Pace (2), M. Castillo (1), J. Spiteri Staines, S. Camilleri (2), J. Camilleri (4), J. Abela (1), M. Spiteri Staines, A. Fenech (1), S. Gialanze (1), A. Bugeja, J. Cachia, R. Galea

Referees: Luca Bianco, Alex de Raffaele

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…….. 4

SLIEMA FRANK SALT…………. 11

(1-3), (1-3), (0-2), (2-3)

Sliema Frank Salt jaffrontaw lil San Ġiljan Mercury Towers fis-semifinali tan-knock-out tal-Kampjonat Premier. Huma kisbu rebħa komda kontra Birżebbuġa Freeport anki jekk bi skwadra limitata. Dan minħabba li niżlu għal-logħob b’10 plejers biss wara li kellhom neqsin lil Jerome Gabarretta u Benji Cachia. Fuq in-naħa l-oħra, Birżebbuġa kienu mingħajr il-veterani David Pace Lupi u David Cutajar.

Vantaġġ ta’ 3-1 għal Sliema fl-ewwel sessjoni, biż-żagħżugħ Matthew Mifsud jiskorja doppjetta. Zach Mizzi kabbar il-vantaġġ għal 4-1 fit-tieni sessjoni iżda wara li Gabriel Sammut naqqas id-distakk b’xutt minn fuq in-naħa xellugija, Liam Galea u l-istess Mizzi kabbru l-vantaġġ għal 6-2.

Dan il-vantaġġ kompla jikber it-tielet sessjoni b’penalty ta’ Jamie Gambin u gowl ta’ John Brownrigg. Fl-aħħar sessjoni, Sliema komplew jamministraw il-logħba u ma tilfux plejers bit-tielet fawl. Birżebbuġa naqqsu d-distakk permezz ta’ Gabriel Sammut u Julian Farrugia, iżda Sliema xorta spiċċaw rebbieħa tas-sessjoni. Matthew Mifsud skorja t-tielet gowl personali għal Sliema, b’Gambin u Mizzi jissiġillaw ir-rebħa għal 11-4.

Birżebbuġa: M. Rossi, J. Farrugia (1), N. Cassar, M. Curmi, C. Mifsud, P. Serracino, S. Vassallo, D. Incorvaja, M. Bonnici, M. Borg, R. Spiteri, S. Fava, L. Abela, B. Grech (1), G. Sammut (2)

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta, L. Galea (1), M. Meli, N. Schiavone, M. Mifsud, J. Brownrigg, J. Gambin, Z. Mizzi, N. Bugelli, Z. Sciberras

Referees: Richard Magri, Attilio Paoletti

WATERPOLO – BOV KO I DIVIŻJONI

Exiles jegħlbu l-isfida ta’ Marsaxlokk

MARSAXLOKK BROWN’S…….. 9

EXILES……………………………….. 10

(3-4), (3-2), (1-1), (2-3)

Exiles bdew favoriti qabel il-logħba u għalkemm ħarġu rebbieħa, kellhom jitħabtu biex għelbu l-isfida ta’ Marsaxlokk Brown’s Pharma. Ix-Xlukkajri taw dak li jafu u jħossuhom diżappuntati li ħarġu mil-logħba telliefa. F’din il-logħba, iż-żewġ gowlkipers regolari, jiġifieri Matthew Castillo għal Exiles u Benji Busuttil għal Marsaxlokk kienu neqsin.

It-tim ta’ Aurelien Cousin bena vantaġġ doppju fl-ewwel sessjoni b’gowls ta’ Max Aquilina u Nicky Paris. Marsaxlokk irnexxielhom inaqqsu d-distakk għal gowl fi tliet okkażjonijiet. Exiles żammew il-vantaġġ ta’ gowl f’żewġ okkażjonijiet, iżda Marsaxlokk dejjem kienu pronti b’reazzjoni u ġabu d-draw tliet darbiet biex temmew is-sessjoni 6-6.

L-andament fit-tielet sessjoni baqa’ l-istess b’Mateo Cacici jwieġeb għal Nicky Paris. Fl-aħħar sessjoni, Kurt Griscti għamilhom 8-7 favur Exiles iżda doppjetta taż-żagħżugħ Sebastian Busuttil dawret ir-riżultat favur Marsaxlokk. Madankollu b’gowls ta’ Sean Xerri de Caro u Max Aquilina, Exiles kisbu l-vantaġġ li kien deċiżiv, hekk kif Marsaxlokk ma kellhomx biżżejjed ħin biex jirkupraw.

Marsaxlokk: F. Buhagiar, S. Stellini, M. Pace, M. Martellacci (1), T. Agius (1), L. Saliba, J. Galea, K. Cremona (2), Z. Micallef, K. Cauchi, M. Cacici (2), J. Portelli, B. Busuttil, L. Mallia, S. Busuttil (3)

Exiles: G. Borg, N. Saliba, S. Apap, M. Naudi, T. Sullivan (1), S. Xerri de Caro (1), M. Fenech, K. Griscti (1), N. Paris (3), J. Bajada, M. Aquilina (3), D. Fenech (1), E. Micallef, M. Attard Bondi

Referees: Stefan Licari, Luca Bianco