L-24 ta’ Awwissu kien immarkat bl-ewwel inċident tat-traffiku b’involviment ta’ electric scooter li bih ġiet infurmata il-media mill-pulizija. Is-sewwieq tal-iscooter weġġa’ gravi u ttieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li ingħatajna l-ewwel għajnuna fil-post tal-inċident.
L-inċident seħħ it-Tlieta fil-5pm fi Triq Burmarrad, f’San Pawl il-Baħar bejn electric scooter, misjuq minn raġel ta’ 25 sena residenti San Pawl il-Baħar, u Toyota Vitz, li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 40 sena residenti l-Mellieħa.
Appena ħarġet din l-aħbar fuq is-sit netnews.com.mt, kienu ħafna l-kummenti tan-nies fuq il-mezzi soċjali. Kienu ħafna dawk li esprimew diżappunt għan-nuqqas ta’ għarfien u infurzar fejn jidħol l-użu tal-electric scooters fit-toroq ta’ pajjiżna. Oħrajn saħqu li kienu qed jistennew li jseħħ inċident u jekk ma jsirx xi ħaġa jista’ jkollna diżgrazzji ikbar fit-toroq tagħna.
Numru ta’ persuni li kkumetaw fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Net News iddeskrivew esperjenzi li għaddew minnhom fejn jidħlu l-electric scooters fejn kienu ħafna dawk li saħqu li raw ħafna nies jeħilsuha ħafif minn inċident. Oħrajn spjegaw li qatt ma raw persuna liebsa ‘helmet’ waqt li qed issuq l-iscooter, fattur li jkabbar ir-riskju ta’ feriti gravi jekk jinqala’ inċident.
Fl-aħħar ġimgħat innutajna żieda qawwija fil-popolarità u fl-użu tal-iscooters tal-elettriku madwar Malta u Għawdex… b’mod partikolari fl-akwati ta’ Bugibba, San Ġiljan u tas-Sliema.
Huwa fatt, li dawn l-iscooters, f’termini ta’ tniġġis tal-arja, huma mezz ta’ trasport aħjar minn vetturi oħrajn li jużaw il-fuel biex jaħdmu. Madanakollu xorta qed tinħoloq kontroversja dwar il-mod kif qed jinstaqu, il-mod ta’ kif qed jithallew fit-toroq u anke n-nuqqas ta’ għarfien dwarhom.
L-electric scooters huma regolati minn Transport Malta u għalhekk jridu jsegwu r-regolamenti tat-traffiku meta fit-toroq. Fost l-oħrajn, ma jistgħux jinstaqu f’tunnels jew toroq arterjali iżda jistgħu jinstaqu f’toroq oħrajn u fuq il-bankini. Ma tistax issuq scooter b’veloċità ta’ aktar minn 20Km fis-siegħa fit-toroq u mhux aktar minn 10km fis siegħa meta tkun f’żoni pedonali. Ir-regolamentazzjoni tgħid li l-electric scooters jistgħu jiġu pparkjati kullimkien, u f’kull ħin, dan mingħajr ma jagħlqu aċċess għal persuni jew karozzi.
//= $special ?>