Internazzjonali

Afganistan: Il-vittmi fl-isplużjoni ta’ Kabul jaqbżu s-60 u jinkludu membri tal-militar Amerikan

Il-vittmi tal-attakki terroristiċi li saru xi sigħat ilu fl-ajruport ta’ Kabul issa qabżu sew is-60 u jinkludu numru sinifikanti ta’ ċivili flimkien ma’ talanqas għaxar membri tal-militar tal;-Istati Uniti li kienu stazzjonati f’dik iz-zona.

L-attakki kienu indirizzati kontra l-Afgani u n-nies l-oħra li qed jagħmlu l-almu biex jaħarbu mill-Afganistan biex ma jgħixux taħt ir-renju brutali tat-Taliban. Intant, ir-riżultati tad-dmija qed ikunu kkonfermati wara żewġ splużjonijiet quddiem entratura għall-ajruport u f’lukanda tal-istess inħawi fejn bħalissa hemm preżenza mdaqqsa ta’ suldati Britanniċi u Amerikani.

L-ammont tal-vittmi kapaċi jitla’ minn ħin għall-ieħor, bil-potenzi tal-Punent qed jistennew aktar attakki terroristiċi fuq l-ajruport ta’ Kabul fejn bħalissa għaddejja l-aħħar fażi tal-evakwazzjoni ta’ ċivili u barranin. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson ikkundanna bl-aħrax it-terrur fl-ajruport iżda għamilha ċara li pajjiżu se jkompli jinsisti bl-impenji tiegħu biex joħroġ kemm jista’ jkun nies mill-Afganistan.