Numru ta’ terroristi wettqu żewġ splużjonijiet f’sezzjonijiet partikulari tal-ajruport ta’ Kabul fejn bħalissa qed jinġemgħu l-eluf ta’ Afgani li jridu jaqbdu ajruplan ‘il barra mill-Afganistan. Fl-isplużjoni mietu talanqas għaxra, fil-parti kbira ċivili, u meta ċ-ċifra tal-vittmi u midruba mistennija titla’ fis-sigħat li ġejjin.
Rapporti mhumiex ikkonfermati rreferew ukoll għal ‘vittmi Amerikani’ fl-isplużjoni. Dan waqt li l-President tal-Istati Uniti, Joe Biden qed isegwi s-sitwazzjoni fl-Afganistan fost il-laqgħat mal-uffiċjali tas-sigurtà tiegħu.
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit ikkonferma li ma kien hemm l-ebda vittmi fost il-militar tiegħu jew il-membri tal-Gvern Britanniku preżenti f’Kabul.
Intant, il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson qed iħejji laqgħa ta’ emerġenza dwar l-aħħar żviluppi f’Kabul, bil-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, iwissi li s-sitwazzjoni fl-Afganistan ‘qed issir inkontrollabbli’.
Waqt li d-dettalji tat-terrur għadhom xi ftit konfużi, is-sorsi kkonfermaw li l-ewwel splużjoni seħħet qrib entratura prinċipali li tintuża għall-evakwazzjonijiet mill-ajruport ta’ Kabul. It-tieni splużjoni seħħet qrib il-Lukanda Baron fl-istess inħawi u li l-pajjiżi tal-Punent qed jużawha fl-impenji biex jevakwaw iċ-ċittadini tagħhom mill-Afganistan.
Jidher li aggressur suwiċida rnexxielu jidħol qalb folla kbira ta’ nies li kienu qed jistennew qrib l-entratura għall-ajruport u fejn tajjar l-isplussivi li kien qed iġorr fuqu. Dritt wara, terrorista ieħor qabad jispara fuq il-persuni ta’ quddiemu waqt li mhux ċar jekk hu, aktar tard, inqatilx mis-suldati fl-inħawi.
Ir-rapporti qalu li dan kien attakk ippjanat bir-reqqa u meta fis-sigħat preċedenti, diversi pajjiżi tal-Punent kienu qed iwissu dwar azzjoni terroristika imminenti fuq l-ajruport ta’ Kabul.
Dan meta eluf kbar ta’ nies qed jinġabru f’diversi zoni tal-ajruport fost id-disprament li ‘jaħarbu mir-renju tat-terrur’ tal-militanti Talibani li reġgħu ħadu kontroll mill-ġdid tal-Afganistan wara 20 sena. Għalkemm ma kienx hemm konferma uffiċjali, ma kienx eskluż li l-isplużjonijiet u l-isparatura fl-ajruport ta’ Kabul setgħu twettqu minn terroristi tal-grupp ISIS li qed jokkupa numru ta’ zoni fl-Afganistan.
L-ewwel stqarrija ta’ kundanna għall-attakk waslet minn Jens Stoltenberg, is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, li esprima simpatija u solidarjetà mal-vittmi f’Kabul.
Sadanittant, numru ta’ pajjiżi, fosthom l-Istati Uniti, ikkonfermaw il-priorità ‘assoluta’ li jevakwaw il-massimu tan-nies possibbli mill-Afganistan, sad-deadline tal-31 ta’ Awwissu. U għalkemm enfasizza l-istat tat-tensjoni f’Kabul, il-President Macron qal li Franza kellha tkompli bil-missjoni għall-evakwazzjonijiet mill-Afganistan sa għada bil-lejl.
L-isforzi ddisprati għall-evakwazzjoni ta’ eluf ta’ nies mill-Afganistan issa daħlu fl-aħħar fażi, meta t-theddid lill-ħajja ta’ ċivili qed isir dejjem aktar akut.
Fl-aħħar sigħat, il-qawwiet barranin li qed imexxu l-evakwazzjoni minn Kabul irnexxielhom joħorġu aktar minn 80,000 ruħ – iżdagħad fadal talanqas 10,000 f’sitwazzjoni ddisprata huma u jistennew biex jaqbdu ajruplan ‘il barra mill-Afganistan.
Kibret il-possibbiltà li eluf ta’ Afgani li spiċċaw fuq ‘il-lista tal-mewt’ tal-militanti Talibani jibqgħu fil-pajjiż xorta waħda, ladarba jikkonkludu t-titjiriet. Fl-istess ħin, sa 1,500 Amerikan għadhom qed jistennew l-evakwazzjoni minkejja li l-ajruport ta’ Kabul qed ikun ikkontrollat mit-truppi tal-Istati Uniti.
Il-ħajja tallum f’Kabul qed tkun karatterizzata mit-tensjoni u paniku meta ħafna Afgani u ċittadini tal-Punent li kienu jaħdmu mal-missjonijiet barranin fl-Afganistan iridu jħallu l-pajjiż akkost ta’ kollox fost iċ-ċirkustanzi imprevedibbli. Dawn in-nies huma partikularment ansjużi li jitilqu għaliex ma jemmnux li t-Talibani jistgħu, xi darba, ibiddlu s-sistema tat-tmexxija brutali li saru magħrufin għaliha madwar id-dinja.
Fl-aħħar sigħat, il-Belġju u d-Danimarka kkonkludew l-aħħar titjiriet ta’ evakwazzjoni – bl-Olanda tikkonkludi l-istess impenn xi sigħat wara.
Filwaqt li l-Ġermanja ma kkonfermatx il-pjani tagħha, diversi rapporti qalu li l-pajjiż qed imexxi l-aħħar titjiriet ta’ ripatrijazzjoni minn Kabul, bl-aħħar suldati Ġermaniżi mistennija jitilqu dalwaqt mill-Afganistan.
Sinjal ieħor tad-disprament tal-Afgani huma l-folol kbar li bdew jinġemgħu mal-fruntiera tal-pajjiż mal-Pakistan – kulħadd bl-għan komuni li jitbiegħed kemm jista’ ikun mit-Talibani.
//= $special ?>