Lokali

Bżonn ta’ edukazzjoni u investiment xieraq fl-użu ta’ mezzi ġodda ta’ trasport – PN

Il-Partit Nazzjonalista filwaqt li jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għal modi ġodda li qed ikunu introdotti biex ikolna sistemi ta’ trasport alternattiv għal dak konvenzjonali u jindirizza l-‘micromobility’, jibqa’ l-bżonn li l-poplu jkun edukat dwar dawn is-sistemi biex isir l-aħjar użu għall-qabża li jmiss f’mezzi ta’ trasport sostenibbli u alternattivi.

F’dawn l-aħħar jiem smajna b’inċident fejn kien involut ‘e-kickscooter’, fuq il-media soċjali qed ikun hemm numru ta’ rapporti ta’ ‘e-kickscooters’ li qed jitħallew fin-nofs ta’ bankini u postijiet oħra li joħolqu inkonvenjent. Dan qed isir bi skumditá kbira u possibiltá ta’ periklu, kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk li jagħmlu użu minn bankini.

Filwaqt li hu tajjeb li jkun hemm żieda fl-użu ta’ dawn il-mezzi ta’ trasport, il-Gvern permezz tal-awtoritajiet tiegħu qed ifalli milli jara li jkun hemm kampanji adatti ta’ edukazzjoni. F’dan il-każ ir-responsabbiltá taqa’ fuq Transport Malta.

Hemm bżonn ukoll li l-Gvern mhux biss jinvesti f’toroq u loġistika li jakkomodaw lill-karrozzi imma wkoll lil dawn il-mezzi ġodda ta’ trasport li jistgħu jgħinu biex tonqos il-problema tat-traffiku imma wkoll jonqos it-tniġġis fl-arja li hu kawża għat-tibdil fil-klima.

Il-Partit Nazzjonalista filwaqt li mill-ġdid jirrikonoxxi l-iżviluppi pożittivi f’dan ir-rigward, jappella lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni ħalli dan l-iżvilupp ma jintilifx fix-xejn.