Lokali

Clyde Caruana ma jagħti l-ebda serħan tal-moħħ għall-ħaddiema tal-Air Malta

Il-Ministru tal-Finanzi li taħtu taqa’ r-responsabbilta’ tal-linja nazzjonali tal-ajru, ma ta l-ebda assigurazzjoni dwar jekk l-Air Malta hux se tibqa’ tiffunzjona sa tmiem is-sena filwaqt illi għadu sa issa ma ta ebda serħan il-moħħ lill-ħaddiema ta’ din il-kumpanija.

“Jien l-assigurazzjoni li qed nagħmel hija waħda… li qed nagħmel l-almu tiegħi”

Bħalissa l-Gvern Laburista qed jitlob permess għal state aid, b’sorsi qrib il-Kummissjoni Ewropea qed jisħqu li l-ammont mitlub mill-Ministru Clyde Caruana mhux wieħed realistiku – bit-triq għadha waħda twila sabiex jintlaħaq qbil. Dan ifisser tħassib għal diversi impjegati tal-linja nazzjonali tal-ajru.

Il-ħaddiema tal-AirMalta ilhom xhur jitolbu assigurazzjoni mill-Gvern, iżda sorsi mill-qalba ta’ din il-kumpanija qed jghidu li l-ħsara li saret taħt il-Ministru Konrad Mizzi għadha tinħass sal-lum.

Taħt ċirkostanzi normali l-istati membri tal-Unjoni Ewropea huma pprojbiti milli jingħataw għajnuna finanzjarja sabiex isostnu entitajiet privati. Madanakollu, din ir-restrizzjoni tneħħiet minn Brussell fid-dawl tal-effetti tal-pandemija – partikolarment fis-settur tal-ivvjaġġar.