Fi stqarrija ta’ linja maħruġa dalgħodu mill-Kurja, l-Arċidjoċesi ta’ Malta fakkret li Adrijanu Cachia m’għadux Patri Franġiskan Minuri u m’għandux permess jeżerċita l-ministeru saċerdotali fil-pubbliku.
Dan wara li skont diversi rapporti, l-eks patri tfaċċa fil-Għargħur waqt quddiesa li kien qed imexxi l-kappillan ta’ din il-lokalità. Malli ra hekk, il-kappillan telaq minn fuq l-artal – b’dawk preżenti jgħidu li Cachia deher iħaqqaqha mal-istess kappillan tal-Għargħur.
Il-każ ta’ Cachia jmur lura għal ħames snin ilu meta l-Ordni tal-Franġsikani Minuri kienet insistiet li r-Reverendu Cachia m’għadux jifforma parti mill-ordni u għalhekk m’għandux jitqies aktar bħala Patri Franġiskan. Dan kien ġie stabbilit b’digriet tal-Ministru Ġeneral tal-Ordni, Fr Michael A. Perry, u kkonfermat mis-Segretarju tal-Kongregazzjoni għall-Istituti tal-Ħajja Kkonsagrata fil-Vatikan, l-Arċisqof Mons. Jose’ Rodriguez Carballo.
L-eks patri kien ilu snin jgħix f’dar privata fir-Rabat u mhux mal-komunità tal-patrijiet Franġiskani Minuri. F’din id-dar hu jagħti kenn lil persuni fil-bżonn ta’ għajnuna. L-eks patri hu attiv fiċ-ċelebrazzjoni tal-festi f’diversi lokalitajiet, iżda llum il-Knisja fakkret li hu ma jistax jeżerċita l-ministeru fil-pubbliku.
//= $special ?>