Lokali

“Jekk tiġi taħt idejn is-Sur Dalli…’you’re done'” – Jitkellem eks ħabsi

Il-ħabs ta’ pajjiżna ra 13-il mewta fi tliet snin.

Dawn kienu tliet snin ta’ mistoqsijiet mhux imwieġba. Kienu tliet snin ta’ kontroversji. Tliet snin ta’ biża’.

Din il-faċilita’ mmexxija mill-Kurunell Alex Dalli spiċċat fl-aħbarijiet diversi drabi fl-aħħar snin, iżda mistoqsijiet importanti baqgħu dejjem mhux imwieġba.

Fl-aħħar jiem, eks priġunier tkellem ma’ Net News u qasam magħna l-esperjenza tieghu f’din il-faċilità. Hu  ddeskriva r-realtajiet differenti li jeżistu f’Kordin – faċilità li, skont hu, qed tipprova ddaħħal mentalità ta’ biża u terrur – atmosfera li qed twassal lil għadd kbir ta’ priġunieri f’xifer disprament, tant li xi whud qed jippruvaw itemmu ħajjithom b’idejhom.

Dan l-eks ħabis qalilna li “jekk teħel taħt idejn is-Sur Dalli” jkollok inkwiet kbir. Kliemu preċiż kien “you’re done” jew magħmulha tiegħek.

Tkellem dwar il-każ ta’ priġunier barrani li kien qed jistenna li jiġi estradit, meta darba ra lill-Kurunell Dalli għaddej u staqsih meta se jintbagħat lura pajjizu, Dalli infexx jgħajjat miegħu u jgħidlu biex jieqaf jistaqsi u li kemm idum hu Direttur tal-Ħabs, il-priġunier ma kien sejjer imkien. Id-Direttur tal-ħabs, lil dan il-priġunier barrani, wissieh li mhux talli mhux se jintbagħat pajjizu, talli kien se jibqa’ l-ħabs u kien se jmut hemm.

Jiem wara, dak il-priġunier temm ħajtu fil-ħabs.

Dan hu biss wieħed minn għadd ta’ priġunieri li ppruvaw, u rnexxielhom ineħħu ħajjithom b’idejhom, fil-faċilità li suppost qed tirrifurmahom.

L-eks ħabsi tkellem dwar priġunier ieħor li pprova jagħmel l-istess. L-ewwel tentattiv ma rnexxilux, u ftit  sigħat wara rega’ pprova. Hu rrakkonta kif wara li dan il-priġunier ma rnexxilux l-ewwel darba, ċempel lil ommu u qallha li kien se jerġa jipprova. Ftit wara sabuh mgħallaq fiċ-ċella tiegħu.

Dawn l-esperjenza koroh huma biss il-ftit li qed nisimgħu bihom. Ħadd ma jaf fil-verità kemm il tentattiv ieħor ikun hemm u li ma jirnexxix.

L-intervista sħiħa ma’ dan l-eks prigunier se tkun ippubblikata nhar il-Ħadd li ġej fil-gazzetta ‘il-mument’u se tintwera nhar it-Tnejn fil-programm Newsroom fuq Net TV.