Gvern ġdid Nazzjonalista jara li min ikollu karozza elettrika jgawdi mir-rata preferenzjali ta’ 10ċ5 fil-ħinijiet kollha. Dan biex jinċentiva aktar persuni jagħmlu użu mill-aktar vetturi li ma jħammġux.
Kien dan il-messaġġ li ħareġ matul konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Deputati Nazzjonalisti Ryan Callus u David Thake, kif ukoll mill-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Rebekah Cilia.
Ryan Callus qal li dak li qed jipproponi l-Gvern Laburista ma jwassalx biex min jinvesti f’karozza elettrika jgawdi minn rata preferenzjali. Dan hekk kif dawn xorta se jħallsu 13-il ċenteżmu.
Kompla li huwa ċar li l-Gvern irid jakkomoda biss lill-Enemalta meta qed joffri t-tariffa preferenzjali bejn 12pm u l-4pm – fil-ħin meta jkun hemm l-anqas konsum. Fl-istess waqt, il-Gvern Laburista għamel u-turn dwar in-Night Tariff għax issa qed jgħid li din hi tajba.
Dwar il-mira li pajjiżna jimporta l-idroġenu bil-pipeline sal-2030, Ryan Callus qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem qabel ma’ din il-bidla. Min-naħa l-oħra, innota kif il-Gvern Laburista tilef iċ-ċans li jakkwista fondi Ewropej għal dan il-progett. Hu għalhekk li appella għall-ippjanar serju anke f’dan is-settur.
Min-naħa tiegħu, David Thake qal li hu biss Gvern Nazzjonalista li jista’ jassigura success f’dan is-settur.
Min-naħa l-oħra, hu nnota kif il-Gvern qed jammetti li falla fil-policy dwar il-karozzi elettriċi meta naraw li fi tmien snin, irnexxielu jikkonvinċi biss 4,000 persuna biex jixtru waħda. U għax mhux kapaċi, il-Gvern kellu jdur lejn il-privat biex jinħolqu ċ-charging pillars.
Rebekah Cilia minn naha taghha qalet li l-Partit Nazzjonalista emmen fil-potenzjal tal-karozzi elettriċi għax għandu għal qalbu l-ambjent. Hu għalhekk, tenniet, li l-Partit qed juri li verament irid itejjeb l-ambjent għalina lkoll u għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-kelliema sostnew l-importanza li aktar persuni jkunu inċentivati serjament biex jagħmlu din il-bidla … bi ħsieb u ppjanar ħalli l-pajjiż kollu jgawdi minn saħħa aħjar.
//= $special ?>