Il-film rebbieħ tal-premju Sundance, Luzzu, huwa l-ewwel film Malti li qatt intgħażel biex jifforma parti mil-lista ta’ feature films ikkunsidrati għall-European Film Awards. Fost titli oħra fil-lista hemm il-films li rebħu Oscar The Father u Promising Young Woman. Il-films magħżula huma rakkomandati biex jiġu nominati għall-European Film Awards.
It-tieni grupp ta’ feature films li se jiġu inklużi fil-longlist mistenni jitħabbar f’Settembru, u mbagħad ‘il fuq minn 4,000 membru tal-Akkademja Ewropea tal-Films jivvutaw biex jintgħażlu n-nominati, li se jitħabbru fid-9 ta’ Novembru waqt il-Festival Ewropew tal-Films ta’ Sevilja, f’dawn il-kategoriji li ġejjin: il-Film Ewropew, Direttur, Attur, Attriċi u Xeneġġjatur. L-34 edizzjoni tal-European Film Awards se tittella’ f’Berlin fil-11 ta’ Diċembru 2021, fejn il-ġurija tagħżel ukoll ir-rebbieħa fil-kategoriji taċ-Ċinematografija Ewropea, Editjar, Disinn tal- Produzzjoni, Disinn tal-Kostumi, Irtokk u Xagħar, Mużika Oriġinali, u Effetti Sonori u Viżwali.
Il-film Luzzu, taħt id-direzzjoni ta’ Alex Camilleri u bis-sehem ta’ Jesmark Scicluna, Michela Farrugia u David Scicluna fil-partijiet ewlenin, se jintwera fis-swali taċ-ċinema għall-ewwel darba fl-Eden Cinemas, f’Malta, fit-8 ta’ Settembru 2021.
Luzzu kiseb ir-rikonoxximent u t-tifħir ta’ bosta waqt is-Sundance Film Festival tal-2021, fejn l-attur prinċipali, Jesmark, sajjied mis-Siġġiewi, rebaħ il-World Cinema Dramatic Special Jury Award in Acting għad-debutt tiegħu fir-reċtar.
Minn dakinhar, dan il-film drammatiku maħdum bl-ilsien Malti seraq il-qlub tal-udjenzi u kompla jirbaħ premjijiet f’diversi festivals prestiġġjużi madwar id-dinja, fosthom fil-Festivals Internazzjonali tal-Films ta’ Boston u ta’ Sofia. Barra minn hekk il-film ġie inkluż fis- selezzjonijiet ta’ bosta festivals oħrajn, inklużi il-Festivals Internazzjonali tal-Films ta’ Melbourne, Karlovy Vary u Hong Kong.
Luzzu jirrakkonta l-ġrajja fittizja ta’ Jesmark, sajjied li jaqlagħha u jikolha, u li kontra qalbu jkollu jwarrab it-tradizzjonijiet ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ u jissogra kollox billi jidħol fid-dinja tas-suq tas-sajd illeċitu, sabiex jaqla’ l-għajxien għal martu u t-tarbija tat-twelid tagħhom.
Il-biljetti għall-wirjiet ġenerali mit-8 ta’ Settembru ’l quddiem jinsabu għall-bejgħ mill-Eden Cinemas, u jistgħu jinxtraw minn din il-ħolqa: Eden Cinemas. Il-film inħadem bl-appoġġ ta’ Screen Malta u l-inċentivi finanzjarji mogħtija mill-Kummissjoni Maltija tal-Films u l-Gvern ta’ Malta.
//= $special ?>