Sport Waterpolo

Michele Stellini bl-ebda rimors fi tmiem il-karriera tiegħu bħala plejer tal-waterpolo

Rapport: Stewart Said

Id-deċiżjoni din id-darba hi finali. Michele Stellini temm il-karriera tal-waterpolo fl-età ta’ 38 sena. Plejer li żgur jibqa’ fl-istorja tal-waterpolo lokali minħabba l-kisbiet tiegħu bħala plejer b’mod partikolari ma’ Neptunes. Ma’ dan is-sit, Stellini tkellem dwar ir-raġuni prinċipali għaliex irtira. “Bdejt inħoss li ma għadnix il-plejer li kont qabel, ġismek jibda jurik, tibda tbati iżjed biex tirkupra, l-injuries jiżdiedu u tinduna li it’s time to call it a day.”

Bejn l-2000 u l-2015 hu rebaħ seba’ darbiet il-Kampjonat tas-Sajf, ħames darbiet in-knock-out, tmien darbiet il-Kampjonat tax-Xitwa u seba’ darbiet it-Tazza tal-President għal total ta’ 27 unur. Fosthom hu kien parti importanti mit-tim ta’ Neptunes li bejn l-2010 u l-2014 rebaħ ir-rekord ta’ ħames kampjonati konsekuttivi. Is-sena l-oħra rebaħ il-kampjonat u n-knock-out tal-Ewwel Diviżjoni ma’ Valletta.

Fl-2015 hu ħabbar li rtira, f’aħbar pjuttost sorpriża. Stellini rritorna jilgħab fl-2017 meta ngħaqad ma’ Exiles. Fi tliet snin li lagħab magħhom, hu skorja total ta’ 39 gowl fil-Kampjonat tas-Sajf. Lejn l-aħħar tal-2019, Michele Stellini ssieħeb lil Valletta United u lagħab l-aħħar żewġ staġuni.

(Ritratt: Martin Agius)

Stellini hu kburi bil-karriera li kellu u ma għandu l-ebda rimors. Il-plejer xellugi għadda wkoll messaġġ li wasslu biex apprezza aktar il-mumenti ta’ rebħ li kellu. “Li tlift qabel bdejt nirbaħ, għallimni biex fil-ġejjieni nkun nista’ nirbaħ. Biex titgħallem tirbaħ, trid tidra titlef ukoll. Ma jiddispjaċini minn xejn.”

Michele Stellini se jieħu pawża mistħoqqa mill-waterpolo iżda ma jfissirx li hu t-tmiem tiegħu f’dan l-isport. “Fil-futur nixtieq nagħmel xi ħaġa li jogħġobni. Nixtieq inkun involut, b’anqas impenn minn bħalissa imma xorta nibqa’ nagħti l-kontribut. Issa, ma’ min, kif u come, imbagħad naraw.”