Lejn l-aħħar tas-snin Disgħin, pajjiżna imbarka fuq ħidma fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u kiseb reputazzjoni ta’ ġurisdizzjoni serja f’dan il-qasam. Din ir-reputazzjoni kienet l-ikbar inċentiv biex dan is-settur kiber tul is-snin.
Sostna dan George Mangion, konsulent fil-qasam tas-servizzi finanzjarji waqt il-programm Dritt għall-Punt fuq Net Television li ddiskuta l-effetti tal-greylisting min-naħa tal-FATF f’Ġunju li għadda, li wassal biex l-aħjar karta li tilgħab Malta, spiċċat fix-xejn.
Mangion qal li biex noħorġu mill-lista l-griża, irridu nibdew mill-ġdid ….u saħaq dwar l-importanza ta’ sforz nazzjonali.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN Graham Bencini qal li l-problemi u l-iskossi għas-settur bdew ferm qabel il-Greylisting. Fil-fatt, il-problemi bdew minn meta eks Ministru u eks Chief of Staff tal-Prim Ministru inqabdu b’kumpaniji sigrieti fil-Panama u l-Gvern m’għamel xejn.
Fil-programm immexxi minn Roderick Agius, Bencini qal li wara r-rapport tal-Moneyval, il-Gvern poġġa ħafna pressjoni fuq l-operaturi fis-servizzi finanzjarji għal dak li għandu x’jaqsam ma’ compliance u proċeduri ta’ ‘KYC’ iżda l-Gvern innifsu qatt ma ħa azzjoni fuq l-iskandli li ġibdu dan l-iskrutinju internazzjonali fuq pajjiżna. Hu tenna li dawn l-effetti se jinħassu lil hinn mill-persuni involuti direttament fis-servizzi finanzjarji iżda fuq il-pajjiż kollu.
//= $special ?>