L-iskwadri għall-emerġenzi, fl-aħħar sigħat, kienu qegħdin ifittxu għal diversi persuni rappurtati nieqsa wara li numru ta’ bliet intlaqtu minn sensiela ta’ valangi. It-traġedja seħħet fl-Istat ta’ Merida u l-ħaddiema għall-emerġenzi kienu qed jagħmlu l-almu biex isibu l-persuni li ntradmu, fost il-pronostiku ta’ aktar xita li kapaċi tixpruna l-gliegel tat-tajn ġodda fl-inħawi.
Hu kkonfermat li l-elementi swew il-ħajja ta’ millanqas 20 persuna u meta l-ħaddiema għall-emerġenzi għadhom ma waslux fiz-zoni li ntlaqtu l-agħar mill-valangi.
Intant, il-President tal-Veneżwela, Nicolas Maduro, qal li ‘il fuq minn 8,000 djar spiċċaw meqruda mill-valangi – bi ħdax-il Stat tal-pajjiż jġarrbu l-effetti tal-ħalbiet tax-xita qawwija fuq diversi ġranet. Ħafna mill-mejtin kienu rikoverati minn Merida ( fir-reġjun tal-Andes) fejn it-toroq tal-villaġġi qalb il-muntanji nbidlu fi ‘xmajjar’ f’qasir żmien u b’konsegwenzi devastanti.
Intant, il-valangi u l-gliegel tal-ilma kaxkru wkoll numru kbir ta’ karozzi mill-inħawi, bl-awtoritajiet lokali għadhom qed jikkalkulaw il-livell tal-ħsarat.
//= $special ?>