Internazzjonali

Afganistan: Il-President tal-Istati Uniti jwiegħed li ssir ‘kaċċa’ għat-terroristi ta’ Kabul

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, ħalef li jagħmel minn kollox biex issir il-ġustizzja mat-terroristi li wettqu l-attakki tal-Ħamis fuq l-ajruport ta’ Kabul, waqt li kienet għaddejja l-evakwazzjoni ta’ eluf mill-Afganistan, fost kriżi umanitarja rari.

L-attakki li tmexxew minn fergħa lokali  tal-moviment ISIS swew il-ħajja ta’ 90 persuna, fosthom 13-il truppi Amerikani. Dan meta t-terroristi wettqu splużjoni kbira viċin entratura għall-ajruport ta’ Hamid Karzai u splużjoni oħra viċin ta’ lukanda fiz-zona fejn kienu qed jinżammu l-Afgani li qed jippruvaw jitilqu minn pajjiżhom.

L-isplużjonijiet fil-limiti tal-ajruport seħħew qalb inħawi pakkjati bl-irġiel, nisa u tfal li kienu qed jittamaw li jissieħbu mal-kompatrijotti li telqu mill-Afganistan fil-ġranet preċedenti.  Intant, seħħew ukoll l-isparaturi fil-ħin tal-isplużjonijiet, bil-President Biden, waqt diskors, jagħmilha ċara li l-Istati Uniti mhi se tirriserva l-ebda maħfra għall-qattiela tan-nies innoċenti. 

Biden qal ukoll li se ssir kaċċa determinata għat-terroristi responsabbli mid-dmija u li l-ebda azzjoni mill-ISIS mhi se ttellef il-proċess tal-evakwazzjoni.

Il-President Amerikan kompla li l-militar ta’ pajjiżu, issa, ngħata direttivi biex jattakka lit-tmexxija, l-assi u l-faċilitajiet ta’ dik il-ferħga speċifika ta’ terroristi magħrufa bħala Stat Iżlamiku Korasan (IS-K) u li hi attiva fl-Afganistan u l-Pakistan.

L-entità qattiela tifforma parti min-network globali tal-ISIS iżda mgħandhiex rabtiet mat-Taliban.

Fil-fatt, l-IS-K qed jakkużaw lit-Talibani b’li ‘abbandunaw il-battalja biex jippersistu bin-negozjati għall-paċi mal-Punent’. Fl-istess ħin, il-kelliema gall-IS-K qalu li l-attakk tal-Ħamis fuq l-ajruport kien immirat, speċifikament, ‘għan-nies kollha li b’xi mod kienu kollaboraw mal-Armata tal-Istati Uniti’.

Qabel l-istraġi tal-Ħamis kienu daħlu diversi twissijiet dwar attakki terroristiċi imminenti. Iżda jidher li l-Afgani, fid-disprament tagħhom, injoraw it-twissijiet urġenti u pakkjaw xorta waħda iz-zoni fil-periferiji tal-ajruport internazzjonali  ta’ Kabul. 

Dan waqt li t-truppi Amerikani li qed jikkontrollaw l-ajruport kienu qed jiffaċilitaw l-evakwazzjoni ta’ ċivili barranin u ta’ Afgani li għal dawn l-aħħar snin kienu qed jaħdmu mal-missjonijiet ta’ diversi pajjiżi fit-territorji Afgani.

Intant l-evakwazzjonijiet mill-ajruport ta’ Kabul issa daħlu tassew fl-aħħar fażi u meta bilfors iridu jieqfu fl-aħħar tax-xahar — bil-qawwiet Amerikani jridu jitilqu kollha mill-pajjiż sal-31 ta’ Awwissu, skont il-ftehim konkret li huma għandhom mat-Taliban.