Traġedja ta’ qsim il-qalb… tarbija ta’ 6 xhur tgħereq fid-dar tagħha stess… Traġedja li seħħet kmieni wara nofsinhar, il-Ġimgħa, fi Triq l-Arżnell, San Pawl il-Baħar.
Kien għall-ħabta tas-1pm meta numru ta’ tobba u nurses permezz ta’ ambulanza kienu imsejjħa f’San Pawl il-Baħar wara li tarbija allegatament kienet se tegħreq f’banju.
Sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw kif it-tarbija ngħatat is-CPR fil-post mit-tobba tal-emerġenza qabel ittieħdet b’urġenza l-isptar Mater Dei fejn kienet fil-periklu tal-mewt… sfortunatament tilfet il-battalja mal-mewt ftit wara.
Dan kollu seħħ f’residenza privata fejn it-tarbija kienet tgħix mal-familja tagħha. Għadu mhux ċar jekk fil-ħin tal-inċident l-omm kienetx fid-dar, iżda jista’ jagħti l-każ li t-tarbija kienet viċin iż-żewġt ħuta li possibilment kienu fir-residenza fil-ħin tal-inċident… dan skont sorsi li tkellmu ma’ Net News.
Meta kkuntatjati minn dan l-istazzjon, kelliema għad-Depot tal-Pulizija ma kellhom ebda informazzjoni dettaljata x’jgħaddu dwar dan l-inċident għaliex l-investigazzjoni tal-pulizija għadha għaddejja. Dan filwaqt li infetħet Inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.