Michel Barnier, li fl-aħħar xhur kien mexxa n-negozjati dwar Brexit għan-nom tal-Unjoni Ewropea, esprima x-xewqa li jikkuntesta kontra Emmanuel Macron, il-President Franċiż attwali, għall-Presidenza ta’ Franza.
Il-profil ta’ Barnier kiber ferm waqt it-trattativi mar-Renju Unit u qabel il-pajjiż ikkonkluda formalment l-isħubija fl-Unjoni. Intant, hu, issa, qed jaħseb biex jisfida għall-Presidenza Franċiża bħala kandidat għar-Repubblikani tal-lemin.
Meta kellem lill-media Franċiża, Michel Barnier qal li pajjiżu qed jiffaċċja żmenijiet diffiċli u mill-aktar impenjattivi u li hu għandu ambizzjonijiet biex isir President ta’ Franza bil-għan li jikkonsolida politika ta’ rikonċiljazzjoni.
Barnier, eks kummissarju Ewropew li llum għandu 70 sena, hu r-raba’ kandidat li qed jipprova għan-nomina tar-Repubblikani. L-elezzjoni għall-Presidenza Franċiża se ssir f’April u Barnier qed jinsisti għall-ħtiġiet drastiċi fi Franza.
Il-President Emmanuel Macron kiseb il-poter fl-2017 bħala wiċċ ġdid fil-politika u protagonista ta’ partit ġdid taċ-ċentru bl-isem La Republique en Marche. Intant, Michel Barnier qed jgħid li r-rwol tiegħu fin-negozjati straordinarji dwar Brexit għallmuh il-valur li l-kliem jissarrfu f’azzjoni – speċjalment wara li hu ħadem fit-tul biex jippreserva l-għaqda Ewropea.
//= $special ?>