Lokali

Ħadd ma jaf x’ser jiġri mal-ftuħ tal-iskejjel

Għalkemm ninsabu biss erba’ ġimgħat bogħod mill-ftuħ tal-iskejjel f’pajjiżna … il-Gvern għadu bla pjan dwar is-settur tal-edukazzjoni u l-bidu tas-sena akkademika.

Kemm il-ġenituri kif ukoll in-nanniet tat-tfal jinsabu mħassba dwar in-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Gvern tant li bħalissa qed jinħass il-bżonn li l-istudenti, il-ġenituri u l-edukaturi jkunu jafu x’se jiġri fi ftit tal-ġimgħat oħra.

Net News staqsa lin-nies jekk għandhomx ħjiel dwar x’se jiġri mal-ftuħ tal-iskejjel … iżda ma’ kull min tkellimna, kulħadd wieġeb fin-negattiv.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet illi saret din il-gimgha, il-Partit Nazzjonalista saħaq dwar il-ħtieġa ta’ pjan li jserraħ l-imħuħ ta’ kulħadd illum qabel għada.

F’din il-konferenża isemmew diversi sfidi li qed jiffaċċjaw l-istudenti u l-ġenituri kawża tal-bidliet li ġabet magħha l- Covid-19… u l-Partit Nazzjonalista saħaq li ma nistgħux inħallu n-nuqqas ta’ ppjanar ikompi jżid mal-pressjonijiet li diġa jeżistu fuq studenti, ġenituri u edukaturi.

Il-PN sostna li l-edukazzjoni hija l-bażi li fuqha tinbena s-soċjetà, u nsista dwar il-ħtieġa ta’ konsultazzjoni u djalogu ma’ kull min għandu x’jaqsam f’dan il-qasam u mhux ikun hemm deċiżjoniijet meħuda direttament mill-Gvern mingħajr konsultazzjoni ma’ dawk li jaħdmu fis-settur edukattiv… għaliex fl-aħħar mill-aħħar dawk li jbatu minn nuqqas ta’ konsultazzjoni u ppjanar ikunu l-istudenti infushom.

Tags