Ambjent Lokali

“Il-bajja għalina – le għall-Yacht Marina”

Protesta kontra l-Yacth Marina f'Marsaskala

“Il-bajja għalina – le għall-Yacth Marina” – Kienet din l-għajta tal-mijiet ta’ persuni li nġabbru fi protesta kontra l-proġett massiċċ propost mill-Gvern Laburista għall-Yacht Marina f’Marsaskala.

Flimkien ma’ Moviment Graffitti, ingħaqdu f’għajta waħda kontra l-proġett, diversi għaqdiet oħrajn, ambjentalisti u residenti tal-lokalità.

Tul din il-protesta indirizzaw il-folla diversi persuni fosthom membri ta’ Moviment Graffitti, residenti u l-minority leader fil-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala John Baptist Camilleri.

Fakkru kif dawn il-pjanijiet tħejjew mingħajr ebda konsultazzjoni u spjegaw kif se jagħmlu ħsara kbira lir-raħal, lil Malta u lill-ambjent naturali tagħna. Dan filwaqt li l-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia ddefenda dan il-proġett.

Huma saħqu li s-serq ta’ din il-bajja se sservi biss biex igawdu u jinqdew l-interessi tal-ftit, filwaqt li se jifga lill-Iskalin u lil eluf li b’mod regolari jżuru dan il-post.

Kienu diversi dawk li fakkru li dan il-proġett se jfisser qerda ambjentali kbira għaliex Transport Malta, taħt it-tmexxija tal-Ministru Ian Borg, trid tordom parti kbira minn qiegħ il-baħar permezz ta’ reklamazzjoni tal-art f’diversi partijiet tal-bajja.