Wara l-kontroversja li nqalgħet ftit ta-jiem ilu meta minn imkien żbokka proġett ta’ marina ġdida fil-bajja pittoreska ta’ Marsaskala, l-Ministru Ian Borg ħareġ iġib l-iskużi bil-pjani lokali. Stqarrija li ma niżlet tajjeb xejn mal-Iskalin u li twarrab kull opinjoni li jista’ jkollhom ir-residenti ta’ dan ir-raħal fin-nofsinhar ta’ pajjiżna.
Filwaqt li Ian Borg qed jinsisti li minkejja kollox, din il-marina trid issir għax żdiedu wisq il-jottijiet, b’dan l-argument biex jipprova jikkonvinċi għalfejn il-marina trid bilfors issir. Din il-gimgha, il-Ministru Borg qal li jew issir il-marina inkella ma jistgħux jiġu rreġistrati pleasure boats ġodda.
Iżda l-Ministru sieħbu Carmelo Abela qed jeħodha kontra Ian Borg, u ammetta li l-Iskalin dan il-proġett ma jriduhx. Filfatt hu qal li eluf ta’ residenti f’Wied il-Għajn esprimew ir-rabja tagħhom għall-mod kif qed jiġi ppjanat is-serq ta’ din il-bajja.
F’nofs dan kollu, skiet totali mill-Prim Ministru Robert Abela.
B’kuntrast, il-PN permezz tal-kunsilliera tiegħu John Baptist Camilleri u Errol Cutajar qiegħed jiġġieled biex l-Iskalin jibqgħu igawdu l-bajja tagħhom… bajja pittoreska li toffri wkoll spazu fejn ħafna biex iqattgħu il-ġranet tas-sajf tagħhom jgħumu u jirrilassaw… xi ħaġa li żgur ma tibqax possibbli jekk din iz-zona tinbidel f’marina.