Huwa ċar li l-mewġa ta’ attakki kontinwi fil-konfront ta’ ġurnalisti u bloggers qiegħda tkompli tiżdied b’tali mod li qed iddgħajjef dejjem aktar ir-raba’ pilastru tad-demokrazija ta’ pajjiżna filwaqt li ċċaħħad lill-poplu minn dik il-libertá li kull pajjiż modern u demokratiku għandu bżonn. F’dawn l-aħħar jiem rajna attakki fuq il-blogger Manuel Delia u fuq ġurnalisti oħra.
Il-ġurnalisti għandhom jitħallew jaħdmu f’ambjent li jippermettilhom iwettqu xogħolhom mingħajr tfixkil, theddid u intimidazzjoni. Mingħajr il-ġurnalisti Malta tibqa’ mifnija bix-xibka ta’ koruzzjoni u abbuż ta’ poter li rajna kif ħakkmet lil pajjizna.
Il-kampanja ta’ mibegħda kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li kompliet fil-konfront ta’ ġurnalisti oħra li baqgħu jinvestigaw korruzzjoni u abbuż ta’ poter qed teqred id-demokrazija u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna. L-effetti ta’ din il-kampanja qed twassal għal sitwazzjoni fejn persuni jħossuhom komdi jgħajru u jheddu b’impunitá lil min qiegħed iwettaq xogħolu u lil min jesprimi l-opinjoni tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista huwa wkoll konxju li persuni li jesprimu ruħhom favur ix-xogħol ta’ dawn il-ġurnalisti jew li jesprimu opinjonijiet simili għax-xogħol tagħhom ukoll qegħdin jiġu intimidati. Din il-kultura ta’ mibgħeda u intimidazzjoni b’impunitá fil-konfront ta’ ġurnalisti, bloggers u persuni li jippubblikaw investigazzjonijiet jew opinjonijiet fuq materja ta’ interess pubbliku għandha tieqaf. Dan il-pajjiż ma għandu qatt jerġa’ jibqa’ sieket fil-konfront ta’ mewġa ta’ theddid, tfixkil u intimidazzjoni fuq ġurnalisti jew bloggers.
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qiegħed jikkundanna din il-kultura ta’ mibgħeda fil-konfront ta’ ġurnalisti, jikkundanna ukoll kull attakk ta’ kull tip li jsir fuq ġurnalisti u jsejjaħ lil Robert Abela bħala Prim’Ministru sabiex huwa wkoll jagħmel dikjarazzjoni ċara ta’ kundanna fuq dawn l-attakki.
//= $special ?>