Fl-aħħar sigħat, il-media tal-Partit Laburista reġgħet inqabdet tippubblika fake news oħra. Dan wara li ppubblikaw storja mimlija gideb dwar intervista li saret minn Net News ma’ eks ħabsi – eks priġunier li assulutament mhuwiex dak li irriferew għalih il-One.
B’mod qarrieq il-media ta’ Robert Abela provaw jimplikaw illi Net News intervista lil Jordan Azzopardi, li riċentament ħareġ fuq bail. U qagħdu jfakkru fl-akkużi serji li qed jaffaċja dan iż-żagħżugħ li qed jidhru għalih l-avukati Franco Debono u Joe Giglio. Iżda din mhi xejn ħlief fake news.
Fil-fatt, anke l-istess ritratti ppubblikati mill-One juru żewġ persuni differenti. Għalkemm il-fantasija tal-media Laburista waslet sal-punt li anke fuq ritratt tippubblika l-gideb.
Diversi analisti politiċi rrimarkaw li din il-mossa mill-Partit Laburista saret biss bħala manuvra biex jiddefendu lil Alex Dalli, id-Direttur tal-Ħabs ta’ Kordin, kif ukoll lill-klikka żgħira ta’ madwaru.

Stqarrija tal-PN
Il-Partit Laburista kellu jirrikorri għall-gidba biex jiddefendi lill-Ministru Byron Camilleri, kif ukoll lid-direttur tal-ħabs Alex Dalli. Dan meta ppubblika storja gidba dwar NET News… b’NET News jiċħad kategorikament l-istorja ppubblikata fis-sit ta’ One news.
Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccino u mill-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ Net News Robert Cremona ntqal li kulħadd jaf li s-sitwazzjoni fil-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin laħqet sitwazzjoni fejn il-persuni saru biss numri u ħajjet il-priġunier ma saret tiswa xejn. Dan kollu jixhduh in-numru ta’ mwiet fil-Faċilitá fl-aħħar xhur, bl-aħħar mewt b’suwiċidju kienet reġistrata ftit jiem ilu biss.
Għaldaqstant se tintbagħat dritt ta’ risposta lil One News, kif ukoll se jsir protest mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin. L-istqarrija tkompli tgħid li hija ħasra li l-Partit Laburista waqa’ tant fil-baxx li flok jesponi l-iżbalji kollha u t-tmexxija ħażina f’din il-faċilitá, jirrikorri għal dawn l-istejjer li m’huma xejn għajr invenzjonijiet.
https://netnews.com.mt/2021/08/26/jekk-tigi-taht-idejn-is-sur-dalli-youre-done-jitkellem-eks-habsi/