L-attakki terroristiċi tal-Ħamis fl-ajruport ta’ Hamid Karzai, f’Kabul, komplew iżidu l-paniku u s-sens ta’ disprament fost l-Afgani li jridu jaħarbu mit-tmexxija vjolenti tat-Taliban. Dan meta hu aċċettat li ħafna mill-Afgani li jinsabu fil-mira tal-militanti Iżlamiċi mhumiex se jilħqu jitilqu mill-pajjiż sal-31 ta’ Awwissu – li jibqa’ id-deadline iffissat mill-Istati Uniti u l-istess Talibani.
Fl-aħħar sigħat, l-Afgani komplew jissieltu biex jaslu fiz-zoni tal-ajruport fejn il-qawwiet barranin qed jeżaminaw id-dokumenti u kredenzjali tan-nies li jridu akkost ta’ kollox jitilqu mill-Afganistan f’dawn iż-żmenijiet diffiċli.
Filwaqt li qed javviċina d-deadline għat-tmiem tal-evakwazzjoni, hu minnu li numru ta’ pajjiżi Ewropej diġà temmew il-missjonijiet tas-salvataġġ minn Kabul – bis-sitwazzjoni fl-ajruport ta’ Hamid Karzai issir ferm aktar perikoluża wara l-attakki tal-Ħamis.
Il-missjoni li qed imexxi r-Renju Unit għall-evakwazzjonijiet ukoll mistennija tintemm dalwaqt, bil-Ministeru tad-Difiża f’Londra jtenni li d-deċiżjoni tal-Britanniċi biex jagħlqu ċ-ċentru (fl-ajruport ta’ Kabul) għall-ipproċessar tad-dokumenti tar-refuġjati ‘jirrifletti l-livell ta’ periklu attwali’.
Il-Britanniċi, l-istess bħall-Istati Uniti u pajjiżi oħra, huma konxji mit-theddida ta’ attakki terroristiċi ġodda fl-ajruport sa dakinar tad-deadline – u meta fl-aħħar sigħat telqu uħud mill-aħħar 1,000 suldat Britanniku li kien għad fadal fl-Afganistan. Intant, is-Segretarju tad-Difiża Afgan, Ben Wallace, ammetta li l-Britanniċi, l-istess bħal fil-każ tal-Amerikani, se jkollhom iħallu diversi tagħmir militari warajhom fl-artijiet Afgani.
Intant, hi proprja l-Istati Uniti li qed tiddetta s-sewkenza tal-irtirar mill-Afganistan – bil-qawwiet Amerikani se jkunu l-aħħar suldati barranin li jitilqu minn dan il-pajjiż.
//= $special ?>