Coronavirus Lokali Saħħa

Mara ta’ 61 sena titlef ħajjitha bil-COVID-19

L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li fl-aħħar sigħat, mara ta’ 61 sena tilfet ħajjitha kawza tal-Coronavirus. Din l-aħħar fatalità ttella’ l-imwiet tal-pandemija għal 439.

Mhux ċar jekk din il-persuna tilfitx ħajjitha fir-residenza tagħha jew fl-isptar hekk kif ma ngħataw ebda dettalji. Ma nafux lanqas jekk din il-persuna kienetx imlaqqma bil-vaċċin.

Din l-aħħar mewta tal-virus ittella’ l-imwiet matul din il-ġimgħa għal erbgħa.

Dan filwaqt li fl-aħħar sigħat, pajjiżna rreġistra 40 każ ġdid tal-COVID-19 filwaqt li fiequ mill-virus 66 persuna biex b’hekk il-każi attivi niżlu għal 642. Dawn l-aħħar numri tas-sitwazzjoni f’pajjiżna joħorġu minn fost 3,411 swab test.

Skont l-aħħar aġġornament fuq Facebook, il-persuni rikoverati fl-Isptar naqsu b’erbgħa u bħalissa f’Mater Dei hemm 29 pazjent tal-COVID-19, bi 2 minnhom jinsabu f’qagħda kritika hekk kif qed jingħataw il-kura fl-ITU.

Il-Ministeru tas-Saħħa ħabbar ukoll li fl-aħħar 24 siegħa ingħataw 665 doża tal-vaċċin li ftit iktar minn nofshom kienu għal persuni li issa huma mlaqqma b’mod sħiħ għal kontra l-virus. It-total ta’ persuni mlaqqma b’mod sħiħ issa jammontaw għal 411,422 li jfisser aktar minn 90% tal-popolazzjoni ta’ Malta u Għawdex.

Intant, meta pajjiżna ilu jaffaċja din il-pandemija għal total ta’ 77 ġimgħa, s’issa kienu reġistrati total ta’ 35,990 każ li minnhom fiequ 34,513. F’din is-77 ġimgħa, f’Malta kienu rreġistrati total ta’ 357 każ ta’ Coronavirus.