Żewġt irġiel ma nstabux ħatja mill-Maġistrat Simone Grech li fil-11 ta’ Novembru 2018 mingħajr il-ħsieb li joqtlu lil aħwa George Azzopardi u lil John Azzopardi kkaġunawlhom feriti gravi wara ġlieda kbira li seħħet fis-sigħat bikrin fi Triq is-Serkin il-Marsa.
Kollox beda fuq inċident tat-traffiku meta allegatament il-vittmi daħlu bi żball fi Triq is-Serkin u laqtu żewġ karożzi bil-Pulizija takkuża lil Francis Farrugia ta’ 35 sena u lil Dylan Mifsud ta’ 25 sena li ħebbew għal aħwa u sawwtuhom.
Il-Qorti wara li fliet il-provi miġjuba mill-Prosekuzzjoni, qalet li minn dak li tressaq quddiemha, ma rnexxiliex tipprova l-akkużi lil hinn minn kull dubju raġonevoli. L-allegati vittmi f’din il-ġlieda, John Azzopardi u George Azzopardi, għażlu li ma jixhdux biex ma jinkriminawx lilhom infushom.
Il-Maġistrat Grech qalet li l-bqija tax-xhieda li tressqu, kienu uffiċjali tal-pulizija li lkoll ma kinux preżenti waqt li seħħ l-inċident, u għalhekk ma setgħux jitfgħu iktar dell fuq eżattament x’gara, u kif l-aħwa spiċċaw feruti. L-istqarrijiet li taw l-imputati huma fis-sens, li Francis Farrugia ġie attakkat minn żewġ persuni, li lanqas qatt ma rahom u ma jafhomx, filwaqt li Dylan Mifsud kien mar iwaqqaf lil dawn l-irġiel minn fuq Francis Farrugia.
L-istqarrijiet mogħtija rispettivament mill-imputati, jagħtu spjegazzjoni waħda, qalet il-Qorti, u ċioè li Francis Farrugia ġie aggredit f’rasu, u li Dylan Mifsud prova jaqlagħhom minn fuq Francis Farrugia. Minn imkien mill-istqarrijiet ma jirriżulta li b’xi mod, Francis Farrugia u/jew Dylan Mifsud aggredew lil dawn il-persuni, li allegatament ħebbew għal Francis Farrugia.
Fuq l-akkuża, dwar x’ġara fil-vettura ta’ John Farrugia, u kif din spiċċat ġarrbet ħsarat lanqas ma ngħatat xi xhieda u dwar l-akkuża bir-reat kontravenzjonali fuq il-ksur tal-ordni u l-paċi pubblika, lanqas din l-imputazzjoni ma tressqu provi suffiċjenti dwarha, u għalhekk, lanqas ma ġiet ippruvata.
Waqt il-kumpilazzjoni l-Ispettur Wayne Camilleri xehed li fil-11 ta’ Novembru 2018, għal xi l-4.00am.kienet seħħet ġlieda fi Triq is-Serkin, Marsa, u fiha kien hemm diversi persuni nvoluti. Sostna li rriżulta li John Azzopardi kien identifika lil Dylan Mifsud bhala wieħed li kien involut f’din il-ġlieda.
Spjega li George Azzopardi kien ġie rikoverat l-isptar kaġun tal-ġriehi li sofra. Irriżulta li Francis Azzopardi wkoll ddaħħal l-isptar, iżda mbagħad kien telaq ‘il barra mill-isptar. Is-Surġent Alfred Cutajar kien xehed li fil-11 ta’ Novembru 2018, għall-ħabta tat-3.00am., irċevew telefonata li seħħ argument fi Triq is-Serkin, Marsa.
Sostna li meta mar fuq il-post, kien hemm uffiċjali tal-RIU fejn kien hemm persuna mal-art li kellha fuqha flokk u qalziet ta’ taħt, u kienet qed tiġi mdewwija minn tim mediku. Spjega li kien tkellem ma’ John Azzopardi li qal li flimkien ma’ ħuħ George Azzopardi, daħlu bi żball ġo din it-triq, u persuna bla xagħar kienet ħebbet għalihom.
Qal li John Azzopardi qal li hu u ħuħ George, beżgħu u telqu minn fuq il-post. Sostna li l-vettura li kienet misjuqa minn George Azzopardi, instabet li daħlet ġo żewġ vetturi li kienu pparkjati fit-triq. Sostna li waqt li John Azzopardi kien fejn kuntistabbli tal-Pulizija, hu ra persuna u ġibed l-attenzjoni tal-pulizija, li dan kien wieħed mill-persuni involuti.
Spjega li huwa tkellem ma’ din il-persuna, li kienet Dylan Mifsud, li qal li Frans kien ġie aggredit minn żewġ persuni, u anke waddbu xi ġebel, u huwa kien mar jipprova jifridhom minn ma’ Frans, u telqu jiġru. Sostna li kienu ġew xi uffiċjali min-naħa ta’ SOCO, li elevaw xi fingerprints u ħadu xi ritratti u li l-cameras li kien hemm fil-bidu ta’ Triq Serkin, ma kinux jaħdmu dakinhar li seħħ l-inċident.
Il-kuntistabbli Ayrton Agius xehed li dak il-lejl, huwa ġie msejjaħ biex imur fi Triq is-Serkin gewwa l-Marsa u sab uffiċjali ta’ SIU u vettura oħra tal- RIU. Qal li ra persuna mixħuta fl-art bil-qalziet ta’ taħt biss, u persuna oħra ħdejħ, li ma’ wiċċu kellu d-demm. Sostna li huwa qgħad ma’ dawn il-persuni sakemm ma’ ġiet l-ambulanza.
Il-kuntistabbli Albert Saliba xehed li huwa mar fuq il-post wara telefonata li rċivew għall-ħabta tas-2.30am. Spjega li raw persuna mal-art bil-qalziet ta’ taħt biss, u persuna oħra mimlija dmija.
Spjega li persuna minnhom spjegat li kienu ġew attakkati minn żewġ persuni minħabba li daħlu ġo triq li tagħlaq. Sostna li dak il-ħin, għadda żagħżugħ, li ġie ndikat li kien wieħed mill-aggressuri u li l-aggressur l-ieħor, kien daħal go residenża privata.
Qal ukoll li wieħed mill-allegati vittmi, kien qed jokrob bl-uġiegħ f’rasu, u ttieħed bl-ambulanza. Ikkonferma lill-imputat Francis Farrugia rah, u ra li kellu daqqa u hmura. It-tabiba Sarah Debattista spjegat li fil-11 ta’ Novembru 2018, hija eżaminat lil John Azzopardi li kellu qasma żgħira f’rasu, u tbenġil fuq wiċċu u fuq rasu. Qalet li sar CT scan tar-ras u tal-għadmiet tal-wiċċ, u kien hemm ksur żgħir f’wahda mill-għadmiet tal-wiċċ.
Spjegat li l-ġrieħi kienu ta’ natura gravi peress li kien hemm ksur żgħir, u kienu fil-wiċċ. It-tabib Josef Mifsud xehed li kien inħareġ dan iċ-ċertifikat, fejn hemm miktub li kien hemm żlugar tal-irkoppa tax-xellug, diveri tbenġil f’partijiet tas-sider u taż-żaqq fuq il-persuna ta’ George Azzopardi.
Il-kuntistabbli Shaun Micallef xehed li huwa ġie nkarigat sabiex jieħu ritratti fuq il-post u mar fuq il-post fl-3.50am. Spjega li apparti xi uffiċjali tal-puliżija, kien hemm preżenti John Azzopardi u ġie nfurmat li seħħet ġlieda, u li x’aktarx intuża xi ġebel.
Qal li kien hemm tliet vetturi maħbuta go xulxin. Sostna li fuq in-naħa tal-vettura tal-għamla KIA, gie nnutat li kien hemm xi tiċpis ta’ lewn ħamrani li kien x’aktarx demm. Sostna li fuq il-post ġie nnutat xi ġebel imkisser, u aktar ‘l isfel instabet żarbuna. Spjega li kif wieħed joħroġ mix-xena fejn saret il-ġlieda, kien hemm vettura Toyota Vitz, li kellha fuq is-saqaf tagħha xi ħwejjeġ. Biswit din il-vettura, kien hemm iż-żarbuna l-oħra.
Il-kuntistabbli Stephanie Cassar xehdet li fil-11 ta’ Novembru, ġiet infurmata mil-lIspettur Camilleri biex tagħmel xogħol forensiku. Ikkonfermat li fuq is-sit, kien għad hemm preżenti John Azzopardi. Spjegat li rat tliet vetturi maħbuta, u li kienu garrbu xi ħsarat. Ikkonfermat li quddiem il-vettura Kia, kien hemm xi tiċpis ta’ lewn ħamrani. Il-Qorti fuq nuqqas ta’ provi konkreti lliberat lill-akkużati. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Wayne Camilleri.
//= $special ?>