Lokali Qorti

Probation wara li fera gravi Svediż f’ristorant iżda mhux ħati li għamel l-istess fuq tlieta oħra

Ħaddiem f’ristorant ta’ 39 sena mis-Swieqi instab ħati li kkaġuna ġrieħi gravi fil-konfront ta’ klijent Svediż iżda mhux ħati li wettaq l-istess reati fil-konfront ta’ tliet Svediżi oħra parruċċani wara ġlieda fl-istabbiliment li jinsab tas-Sliema f’Lulju ta’ tliet snin ilu. Huwa nstab ħati wkoll li ħadem bħala gwardjan privat mingħajr liċenzja.

Edward Alexander Vella ma nstabx ħati mill-Maġistrat Simone Grech li kkaġuna ġrieħi gravi fir-rigward tal-persuni ta’ Timmie Jonathan Stefan Silverstranden, Sharlie Erik Owe Persson u Chris Heidi Rosalie Karlsson, filwaqt li sabitu ħati ta’ dan ir-reat fil-konfront ta’ ta’ Victor Adrian Jonas Hansen, u għaldaqstant tpoġġa taħt Ordni ta’ Probation għal perjodu ta’ tliet snin.

Vella ġie ordnat sabiex iħallas l-ispejjeż kollha peritali tal-Qorti, liema spejjeż jammontaw għas-somma ta’ €1,821.09, liema ammont għandu jitħallas mhux aktar tard minn tliet xhur mill-għoti tas-sentenza. F’każ li tali ammont jew parti minnu, ma jitħallasx, jiġu kkonvertiti fi priġunerija.

Il-Qorti ordnat ukoll biex tipprovdi għas-sigurtà ta’ Victor Adrian Jonas Hansen, u għaż-żamma tal-ordni pubblika, u rabter lill-imputat, b’obligazzjoni tiegħu nnifsu, għal perjodu ta’ sena, taħt penali ta’ €2,000. Vella kien qed iwieġeb mhux ħati li weġġa’ b’mod gravi erba’ patruni tar-ristorant u dan wara li huwa kien daħal f’argument verbali ma’ erba’klijenti Svediżi nhar il-Ħadd, 22 ta’ Lulju, 2018 fis-7.00pm meta wieħed minnhom, żaqqu barra dak il-ħin, ħareġ mill-istabbiliment, u rritorna ftit wara .

Qam argument verbali bejn Vella u l-erba’ klijenti. Hekk kif is-sitwazzjoni eskalat, parti terza daħlet biex tassisti lil Vella, persuna li kienet għadha qed tiġi mfittxija mill-pulizija. Matul il-ġlieda, intużaw ash tray tal-metall u flixkun tal-ħġieġ.
L-avukati difensuri Michael u Lucio Sciriha rrimarkaw li l-inċident kollu kien qam minħabba l-arroganza tal-klijent li kien sidru barra u li l-imputat kien ipprovokat. Barra minn hekk, il-klijent tiegħu kien li ċempel personalment lill-pulizija.

Il-Qorti qalet li jirriżulta li hemm kwistjoni riedet tiġi riżolta f’dawn il-proċeduri, li hija min kien l-awtur ta’ dawn id-delitti. Dana qed jingħad peress li f’dan il-każ, irriżulta mill-filmat eżebit, u anke mix-xhieda okulari, inklużi xhieda ta’ uħud mill-parte ċivile, f’din il-ġlieda kien hemm involuta persuna oħra bix-xagħar iswed u li kellu ponn tal-ħadid..

Il-Qorti qieset li mill-provi prodotti, b’mod partikolari minn dak li xehdu l-parte ċivile Hansen, Karen Scicluna u Clydon Micallef, tressqet prova lil hinn minn kull dubju raġjonevoli, li kien proprju l-imputat li kkaġuna l-ġrieħi fuq il-persuna ta’ Hansen.

Mill-banda l-oħra,l-Qorti qalet li ma tqisx li ġie ppruvat lil hinn minn kull dubju raġonevoli mill-Prosekuzzjoni, li l-ġrieħi sofferti mit-tliet Svediżi l-oħra, ġew effettivament, ikkaġunati bl-azzjoni tal-imputat. Huwa minnu li fil-filmat, l-imputat jidher qed jagħti daqqiet lil wieħed minnhom, kif ukoll Chris Heidi Rosalie Karlsson, jidher li anke twaqqa’ t mal-art.

Iżda ladarba jirriżulta, kemm mill-filmat u mix-xhiedai, li kien hemm dan ir-raġel ta’ xagħru iswed u liebes ponn tal-ħadid, id-dubju, li qed jibqa’ jberren ġewwa moħħ il-Qorti, huwa jekk effettivament, il-ġriehi sofferti, kinux ikkaġunati tort talaġir tal-imputat, jew tort tal-aġir tal-persuna l-oħra b’xagħarha iswed.

Ix-xhieda mogħtija minn Silverstranden u Persson, lanqas ma tagħti xi dawl fuq dan. Il-Prosekużżjoni wkoll baqgħet ma ressqitx provi li jwasslu għal dak il-konvinċiment neċċessarju, biex din il-Qorti ssib ħtija fl-imputat.
Dwar il-fatt li ħadem jew kien impjegat bħala gwardjan privat f’post ta’ divertiment, fl-istqarrija huwa sostna li kien barman f’dan l-istabbiliment, iżda ġieli kienu jinkarigawh jagħmel dak li jkun hemm bżonn, inkluż li joqgħod jikkontrolla lill-klijenti.

Rappreżentant talJobsPlus spjega, li l-imputat ma kienx reġistrat li qed jaħdem mal-istabbiliment inkwistjoni. Uhud mix-xhieda rreferew għall-imputat bħala li kien qed jaħdem ta’ Security, mentri oħrajn xehdu li l-imputat identifika ruħu bħala Barman.

Il-Qorti qieset ix-xhieda li ngħatat minn Marco Muscat u Robert Zahra, fis-sens li l-imputat kien jaħdem bħala Security Officer. Qieset ukoll ix-xhieda mogħtija mir-rappreżentant tal-Police Licensing Office, minn fejn irriżulta li l-imputat fiż-żmien li seħħ l-inċident, ma kellux liċenżja biex jaġixxi bħala Security Officer.

Dwar il-piena, il-Qorti qlaet li ħasbet fit-tul rigward il-piena idonea li għandha tiġi nflitta fil-konfront ta’ Vella. Min-naħa l-waħda, il-Qorti għandha quddiemha akkużi li ġew ippruvati u li huma serji, u min-naha l-oħra għandha quddiemha kondotta nadifa, u guvni, li l-Qorti tagħraf ukoll li huwa guvni bil-għaqal u bla vizzji. Il-Qorti ħadet ukoll in konsiderazzjoni tas-Social Inquiry Report, li huwa wieħed pożittiv ħafna. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Ransley.