Is-servizz tax-xandir pubbliku ma għadux pubbliku iżda sar tal-Partit Laburista. Dan huwa evidenti meta wieħed jara li ma kien hemm l-ebda sejħa pubblika trasparenti fir-reklutaġġ ta’ dawn il-ġurnalisti u staff ieħor fil-PBS. Baxx baxx, il-PBS daħħal tlett ġurnalisti ġodda u żewġ cameramen jaħdmu fin-newsroom tal-PBS. Fejn hi l-meritokrazija li tant kien jagħjat biha l-Partit Laburista?
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli mix-Xandir Nazzjonali Joseph Ellis, il-Partit Nazzjonalista qal li wħud minn dawn ir-rekluti ġodda ma għandhom l-ebda esperjenza ta’ ġurnaliżmu. Oħrajn għandhom l-esperjenzi tagħhom, iżda bl-istess mod għandhom kompetenzi u esperjenzi għexieren oħrajn hemm barra, fosthom aktar minn 100 gradwat fis-sena fil-korsijiet organizzati mill-Universita’ u mill-MCAST.
L-istqarrija tkompli tgħid li ħadd minn dawn ma kellu l-opportunità li japplika u jiġu kkunsidrat għal karriera fix-xandir pubbliku li hu mħallas b’fondi pubbliċi. Taħt gvern Laburista, karriera fix-xandir pubbliku fl-fatt hija prerogattiva biss għal dawk imbuttati minn Kastilja, li bħal ma huwa magħruf sew, qed jagħzel direttament min jista’ jidħol PBS. B’hekk, il-Partit Laburista qed jassigura l-ħakma tiegħu fuq l-informazzjoni kollha li toħroġ mill-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS.
Dan huwa abbuż ċar ta’ poter li jiżboq kull limitu ta’ deċenza u jinsulenta l-intelliġenza tal-pubbliku.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-poplu qed jagħraf dejjem aktar li ma jistax jafda x-xandir pubbliku li qed isir kopja tal-ONE TV bit-tnejn isegwu biss l-aġenda tal-Partit Laburista.