Lokali

Tliet irġiel l-isptar wara argument f’Ħal Qormi

Arkivji

Ilbieraħ, għall-ħabta ta’ nofs il-lejl neqsin kwart, erba’ irġiel Sirjani kienu involuti f’argument fejn intużaw xi injam u ħadid. Fi stqarrija l-pulizija qalet li dan seħħ fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi.

Tlieta minn dawn l-irġiel, ittieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Iż-żagħżugħ l-ieħor ta’ 18-il sena ma sofra l-ebda ġrieħi.

Ir-raġel ta’ 20 sena ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi, filwaqt li t-tnejn l-oħra ta’ 23 sena sofrew ġrieħi ħfief.

L-erba’ persuni kienu arrestati u qed jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.