Lokali

Toħroġ b’mod evidenti l-qasma fil-Kabinett ta’ Robert Abela

Qed ikompli joħroġ aktar fil-beraħ kemm id-dikjarazzjonijiet li għamel l-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’intervista mat-Times ma sarrfu f’xejn ħlief biex tiżdied it-tensjoni bejn iż-żewġ fazzjonijiet tal-Partit Laburista.

Din id-darba kien imiss lill-Ministru Silvio Schembri li jiddefendi lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Bil-Ministru tispiċċa tiżloqlu li Robert Abela huwa kontinwità ta’ Joseph Muscat…biex sekonda wara, prova jirranġa kliemu.

Ikkonfrontat bil-mistoqsijiet ta’ Net News, Silvio Schembri ammetta li dan huwa l-istess Gvern ta’ Joseph Muscat – il-Gvern li kien ikkundannat mill-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia…bil-Ministru Schembri jkompli jiddefendi lil dak li kien iddikjarat bħala l-aktar politiku korrott tal-2019.

L-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia sabet li l-Gvern tal-eks Prim Minsitru Joseph Muscat ħoloq atmosfera ta’ impunità li wasslet għal dan il-qtil. U qalet li r-responsabbiltà ta’ dan il-qtil għandha tkun waħda kollettiva fuq il-Ministri li kienu jiffurmaw parti mill-Kabinett ta’ dak iż-żmien…. u li l-istat għandu jġorr responsabbiltà ta’ dan l-assassinju.

B’dan l-atteġjament Silvio Schembri ħareġ għonqu għal Joseph Muscat u Robert Abela…b’kuntrast mal-attitudni li ħa d-Deputat Prim Ministru ftit tal-jiem ilu.

Fil-fatt, aktar kmieni din il-ġimgħa, Fearne ħarab milli jgħid jekk hux kburi li jifforma parti mill-istess Gvern li ħoloq Joseph Muscat. Minflok qalilna biss li hu kburi li huwa Laburist…sakemm ħarab jiġri lejn il-karozza, mingħajr ma semma la lil Robert Abela u lanqas lil Joseph Muscat.