Lokali

Abela bil-kontinwità tal-impunità – Repubblika

“Għadda xahar mir-Rapport tal-Inkjesta u Abela għadu ma għamel xejn”

Robert Abela qed jagħmel il-kontinwità tal-impunità għax għadda xahar mir-Rapport tal-Inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u għadu ma għamel xejn.

Dan kien il-messaġġ tal-President tal-organizzazzjoni Repubblika, Robert Aquilina, matul konferenza tal-aħbarijiet li ndirizza minn fuq it-taraġ ta’ Kastilja biex jappella lill-Prim Ministru jfittex jieħu azzjoni.

Aquilina qal li minkejja d-diskorsi sbieħ u l-pożi li smajna xahar ilu, il-poplu għadu qed jistenna lil Abela jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet li sarulu. Mhux talli hekk, talli fl-aħħar xahar, aktar deher Joseph Muscat milli deher il-Prim Ministru, li min-naħa tiegħu, qed juri li m’għandux ħila jkeċċi lill-predeċessur tiegħu.

Il-President ta’ Repubblika fakkar fl-intervista li saret lil Muscat fl-aħħar jiem u li matulha fakkar lil Abela li għadu b’saħħtu aktar minnu.

Robert Aquilina qal li l-Prim Ministru għandu bżonn ifittex jinżel minn fuq il-jott għax ma jistax ikun li għadda xahar u għadu ma għamel xejn. Bl-istess mod kif għadu ma għamel xejn dwar il-Ministru qrib tiegħu, Edward Zammit Lewis.

U għax lil Robert Abela jinteressah biss il-poter u li jirbaħ l-elezzjoni, minflok ma jwaqqaf lil politiċi bħal Zammit Lewis, qed iħallihom iħabbtu l-bibien u jkomplu bil-kampanja tagħhom għall-elezzjoni ġenerali.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, il-President ta’ Repubblika rrefera wkoll għad-diversi attakki li qed isiru regolarment fuq din l-organizzazzjoni u oħrajn mill-media Laburista u fuq il-mezzi soċjali, fejn qal li għal dawn, huma jżommu responsabbli biss lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista.