Il-Militar tal-Istati Uniti wettaq b’suċċess attakk fuq il-grupp ISIS-K b’ritaljazzjoni għall-att terroristiku ta’ nhar il-Ħamis. L-attakk li wettaq jumejn ilu dan il-grupp Iżlamiku ħalla 13-il uffiċjal Amerikan u mal-160 Afgan mejjet.
Dan l-attakk sar qrib l-ajruport Hamid Karzai fil-kapital Afgana ta’ Kabul hekk kif barranin li nqabdu fil-pajjiż u eluf ta’ ċittadini Afgani kienu qed jippruvaw frenetikament joħorġu mill-pajjiż qabel jiskadi l-proċess ta’ evakwazzjoni fil-31 ta’ dan ix-xahar.
Fl-operazzjoni militari, l-Amerikani għamlu użu minn drone u kelliema għall-Militar Amerikan qal li l-attakk ħalla uffiċjal li kien fil-mira tagħhom mejjet u li ma kienx hemm fatalitajiet ta’ persuni ċivili.
Uffiċjali Amerikani qalu li l-vittma tal-attakk tagħhom kien ġellied tal-grupp Iżlamiku li hu maħsub li kien wara l-att terroristiku tal-Ħamis u li kien qed jippjana attakki oħra simili.
L-uffiċjal li nqatel mill-Amerikani kien f’vettura ma’ persuna oħra fil-ħin tal-attakk, iżda l-appart militari li ntuża huwa wieħed ta’ preċiżjoni tant li l-l-persuna l-oħra fil-vettura ma ndarbitx f’din l-operazzjoni.
//= $special ?>